Ir-risposta mill-Bord tal-MATSEC dwar l-eżamijiet tal-Matematika u l-Fiżika
Il-proċess biex tinħoloq karta tal-eżami jinvolvi panel ta’ nies li jinħatar biex jiktbu l-karta tal-eżami. Il-panels ikunu jikkonsistu tal-anqas minn żewġ membri u wieħed minnhom għandu x-xogħol ta’ ‘Reviewer’. Il-panels tal-eżamijiet tal-matematika fil-livell intermedju u tal-fiżika fil-livell avvanzat, li fuqhom saru l-ilmenti, ilhom ifasslu l-karti ta’ dawn is-sillabi għal numru ta’ snin u għandhom esperjenza twila tal-livell mistenni mill-istudenti f’dawn is-suġġetti. Ix-xogħol tar-‘Reviewer’ hu li jara li l-karta hija tal-livell mixtieq, li tista’ tinħadem mill-kandidati fil-ħin allokat, u li m’hemmx domandi li mhumiex fis-sillabu.
Madankollu fil-każ tal-eżami tal-Matematika fil-livell Intermedju l-panel jikkonferma li l-mistoqsija numru 10 tal-eżami, li nsertat l-aħħar mistoqsija, kienet fuq materja li mhix fis-sillabu. Din il-mistoqsija kienet iġġor sitt marki. Il-Bord tal-Eżamijiet tal-MATSEC jiddispjaċih dwar dan in-nuqqas u ser jieħu l-passi meħtieġa biex il-kandidati ma jkunux żvantaġġati.
Fil-każ tal-eżami tal-Fiżika fil-livell Avanzat, il-panel tal-eżaminaturi jikkonferma li l-mistoqsijiet kollha huma koperti mis-sillabu ta’ dan is-suġġett.
L-Oppożizzjoni titlob li ssir investigazzjoni
L-awtoritajiet u l-Bord tal-MATSEC għandhom jinvestigaw b’mod immedjat x’ġara fl-eżamijiet tal-Matematika Intermediate u tal-Fiżika fil-Livell Avvanzat wara d-diversi lmenti mingħand studenti u l-ġenituri tagħhom. Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista rrefera għall-ilmenti li waslu għand Deputati tal-Oppożizzjoni dwar l-eżamijiet li nżammu fl-aħħar jiem.
Fl-istqarrija, iffirmata mix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u l-Impjiegi Therese Comodini Cachia u l-Kelliem għall-Edukazzjoni Obbligatorja George Pullicino, il-Partit Nazzjonalista qal li l-ilmenti kienu vverifikati wkoll ma’ numru ta’ għalliema, fejn irriżulta li fil-karti tal-eżami kien hemm mistoqsijiet li ma kienux parti mis-sillabu tas-suġġett. Għaldaqstant, l-istudenti ma kienux ippreparati biex iwieġbuhom.
Wara li jsiru l-investigazzjonijiet meħtieġa, l-Oppożizzjoni qed titlob li jittieħdu r-rimedji neċessarji biex issir ġustizzja mal-istudenti u ma jisfgħux vittmi ta’ żbalji ta’ ħaddieħor. L-Oppożizzjoni tistenna li l-istudenti u l-ġenituri għandhom jiġu nfurmati minnufih, filwaqt li staqsiet x’miżuri se jieħu l-Bord tal-MATSEC biex jiġi indirizzat dan l-iżball fil-karta tal-eżami.
Il-Partit Nazzjonalista qal li wieħed irid iżomm f’moħħu li l-istudenti bħalissa jaf għad għandhom eżamijiet oħra u għalhekk aktar ma jista’ jkollhom serħan tal-moħħ malajr, ikun aħjar għalihom. L-istqarrija temmet tgħid li l-Ministeru tal-Edukazzjoni ma jistax jibqax sieket iżda jara li tittieħed l-azzjoni li hemm bżonn biex isir ġustizzja mal-istudenti u l-ġenituri tagħhom.
L-SDM ukoll tappella għal investigazzjoni mill-Bord tal-MATSEC
Min-naħa tagħha, l-għaqda tal-istudenti SDM ukoll appellat lill-Bord tal-MATSEC biex jinvestiga dawn l-ilmenti. Fi stqarrija, l-SDM qalet li kkonfermat ir-rapporti li waslulha ma’ numru ta’ Lecturers, li min-naħa tagħhom stqarrew li partijiet mill-karti tal-eżami ma kienux parti mis-sillabu.
Filwaqt li sostniet l-appell biex l-awtoritajiet konċernati u l-Bord tal-MATSEC jinvestigaw il-każ, l-SDM qalet li bħala għaqda tal-istudenti se tkompli tagħmel dak kollu meħtieġ biex titfa’ pressjoni fuq l-awtoritajiet ħalli jaġixxu immedjatament favur l-istudenti.
L-għaqda wegħdet li se tibqa’ żżomm lill-istudenti aġġornati bit-tweġibiet li tirċievi mingħand l-awtoritajiet.
//= $special ?>