Internazzjonali

Cameron jistinka lejn termini tas-sħubija ġodda mal-UE

Il-Prim Ministru Britanniku David Cameron kompla bl-impenji biex jinnegozja mill-ġdid is-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea. Dan meta hu, fost oħrajn, irid li r-Renju Unit ikun ‘eżenti mill-ispinta għal unjoni aktar intiża bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni’.

F’laqgħat (barra Londra) li kellu mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, Cameron qal li l-poplu Britanniku mhux kuntent bl-istatus quo mill-aspett Ewropew, b’Juncker jistqarr li jrid jasal fi ftehim xieraq mar-Renju Unit.

L-aħħar rapporti qalu li Franza u l-Ġermanja qablu dwar ftehim għat-tkattir tal-unjoni politika fost il-pajjiżi taz-zona ewro mingħajr il-ħtieġa għall-bidliet fit-trattati li jamministraw l-UE.

Madankollu, Cameron sostna li jinħtieġu bidliet fit-trattat tal-UE biex isiru r-riformi li jixtieq u li meqjusa bħala xierqa. Cameron sejjaħ ukoll biex l-immigranti ġodda jkunu suġġetti għal restrizzjonijiet aktar ibsin fir-rigward tal-benefiċċji. Filwaqt li t-tema partikolari għandha tispikka fin-negozjati tar-Renju Unit mal-pajjiżi rispettivi, din teħtieġ ukoll qbil bejn l-Istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

Fl-istess ħin, ma jidhrux daqstant kbar iċ-ċansijiet li t-28 pajjiż tal-UE jirratifikaw trattat ġdid sal-aħħar tal-2017 – qabel ir-Renju Unit jorganizza r-referendum dwar il-futur tiegħu fi ħdan l-UE.

Fil-jiem li ġejjin, David Cameron għandu jivvjaġġa lejn Franza, il-Ġermanja, id-Danimarka, il-Polonja u l-Olanda għal taħditiet mal-mexxejja rispettivi.

Dan meta t-termini tas-sħubija Britannika fl-UE m’għandhomx ikunu kkunsidrati biss mill-Kummissjoni Ewropa iżda wkoll mill-Kunsill Ewropew u l-istati membri l-oħra.
Fil-fatt, Cameron mistenni jitkellem mal-mexxejja kollha tas-27 pajjiż tal-UE qabel is-summit tal-Kunsill Ewropew li hu programmat għall-25 u s-26 ta’ Ġunju.