Sport

Ċert li Benitez se jmexxi lil Real Madrid

Rafa Benitez jinsab 99% ċert li se jkun qed imexxi lil Real Madrid, skont l-aġent ta’ Carlo Ancelotti.

It-Taljan Ancelotti tkeċċa wara li t-tim spiċċa t-tieni wara Barcelona f’La Liga u kien eliminat minn Juventus fis-semifinali taċ-Champions League. L-aħbar tat-tkeċċija iżda ħarġet sigħat biss wara li Ancelotti kien qal li se jkollu bżonn jagħmel sena barra minħabba li jrid jagħmel operazzjoni u l-President Florentino Perez mistenmni jħabbar is-suċċessur tiegħu il-ġimgħa d-dieħla.

L-aġent ta’ Ancelotti, Ernesto Bronzetti qal li x-xnigħat li hemm f’Napli dwar il-kowċ Rafa Benitez li se jieħu t-tmexxija tat-tim fis-Santiago Bernabeu l-istaġun li ġej huma minnhom.

“Iva, ninsab 99% ċert li se jkun hu,” qal Bronzetti meta mistoqsi minn RAI Sport jekk Benitez hux il-favorit li se jieħu post Ancelotti.

Bronzetti kkonferma wkoll li Ancelotti jinsab determinat li jagħmel sena barra mil-logħba.

Real rebħu ċ-Champions League għall-10 darba fl-ewwel sena ta’ Ancelotti u da l-istaġun rebħu t-Tazza tad-Dinja tal-klabbs u s-Super Cup tal-UEFA imma dan ma kienx biżżejjed għat-tmexxija.

Intant Carlo Ancelotti qal li dejjem se jibqa’ jiftakar u jgħożż il-perjodu li għamel ma’ Real minkejja li tneħħa.
Fuq twitter, Ancelotti qal li jħossu kburi bż-żewġ staġuni ma’ Real u l-unuri li rebaħ.

“Nixtieq li nżomm f’moħħi dawn is-sentejn fantastiċi ma’ Real Madrid. Grazzi lill-klabb, lill-partitarji u lill-plejers. Viva Madrid u xejn aktar,” kiteb it-Taljan.