Roberto Di Matteo rriżenja minn kowċ ta’ Schalke wara seba’ xhur fit-tmexxija.
It-Taljan li ngħata l-kariga f’Gelsenkirchen minflok Jens Keller, ħa biss tmien punti mill-ewwel seba’ partiti tiegħu u kien eliminat mit-Tazza Ġermaniża minn Dynamo Dresden.
Madankollu Di Matteo ra lit-tim jgħaddi minn serje ta’ riżultati negattivi lejn tmiem l-istaġun fejn Schalke rebħu biss tnejn mill-aħħar 10 partiti fil-Bundesliga.
Dan ħallihom fis-sitt post u barra miċ-Champions League. Wara li ddiskuta l-futur tiegħu mal-uffiċjali tal-klabb, Di Matteo għażel li jwarrab.
“Il-general manager Horst Heldt u jien mhux biss ħdimna flimkien fl-aħħar seba’ xhur imma anke tkellimna dwar il-pjani tagħna għall-istaġun li ġej. Jien ipproponejt pjan biex forsi jkollna staġun ta’ suċċess u għalkemm id-duiskussjonijiet ma’ Heldt kienu dejjem kostruttivi, ħareġ ċar li l-klabb irid jikkonċentra fuq prijoritajiet oħra. Kollox jidher li bidu ġdid hu fl-aħjar interess ta’ kulħadd u għalhekk wasalt għall-konklużjoni li nirriżenja mill-kariga,” qal Di Matteo.
It-Taljan ta’ 44 sena beda l-karriera ta’ kowċ fl-Ingilterra ma’ MK Dons qabel sieħeb lil West Brom f’Ġunju tal-2009.
Hu rritorna mal-eks klabb tiegħu Chelsea bħala assistent ta’ Andre Villas-Boas qabel ħa t-tmexxija temporanja f’Marzu tal-2012 wara li tkeċċa l-Portugiż u mexxa lit-tim lejn ir-rebħ tal-FA Cup u l-ewwel suċċess tagħhom fiċ-Champions League b’rebħa bil-penalties kontra Bayern Munich.
Dawn is-suċċessi wasslu biex inħatar manager permanenti imma tkeċċa f’Novembru tal-2012.
//= $special ?>