Lokali

Filmat: Żagħżugħ fis-sakra jipprova jisraq karozzi fis-Swieqi

Żagħżugħ Belġjan residenti s-Swieqi matul il-lejl li għadda nqabad fil-fatt mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit waqt li kien qed jipprova jisraq minn numru ta’ vetturi tul Triq il-Ħemel, fis-Swieqi stess.

Kien resident tal-istess triq li rraporta lill-Pulizija dwar l-aġir ta’ dan iż-żagħżugħ li deher jixxengel minn naħa għall-oħra tat-triq u josserva l-karozzi.

Minkejja li kien fis-sakra, residenti osservaw li ż-żagħżugħ kien konxju minn dak li kien qed jagħmel, tant li deher iniżżel il-komma tal-qmis qabel imiss il-vetturi bl-għan li ma jħallix marki tas-swaba’.

Fl-aħħar jiem f’din it-triq seħħew numru ta’ atti vandali u attentati ta’ serq, li wasslu biex ir-residenti stess qed jiftehmu biex josservaw l-inħawi. Oħrajn installaw kameras tas-sigurta’ biex ikollhom provi.