Lokali

Il-Kamra tal-Periti terġa’ toġġezzjona bil-qawwa għall-monti ħdejn il-Parlament

Il-Kamra tal-Periti tenniet l-oġġezzjoni sħiħa tagħha li l-imwejjed tal-monti jitqiegħdu biswit il-bini l-ġdid tal-Parlament fil-Belt Valletta.

Fi stqarrija, il-Kamra appellat b’mod qawwi lill-Gvern biex l-imwejjed tal-monti ma jitqiegħdu f’ebda post fil-Belt Valletta li jista’ jtellef mill-kwalità tad-daħla tal-belt li, “wara ħafna deskrizzjonijiet negattivi, issa reġgħet ingħatat id-dinjità u s-sbuħija arkitettonika li jixirqilha”.

Saħqet li hu kompletament inaċċettabbli li l-monti jiġi ttrasferit f’xi parti tal-ispazji urbani li jiffurmaw parti tad-daħla tal-Belt, il-bini l-ġdid tal-Parlament jew il-fdalijiet tat-Teatru Rjal. Dan, sostniet, hu irrispettivament mid-disinn tal-imwejjed tal-monti.

Tenniet li jekk jiġri dan, jitnaqqru l-valuri ta’ kwalità speċjalment b’rabta ma’ binjiet jew spazji pubbliċi. Iddeskriviet ċaqlieqa lejn dawn l-inħawi bħala talba inġustifikata minn gruppi ta’ interess speċifiku għad-detriment tal-importanza ta’ spazju urban ta’ kwalità li kull min jidħol il-Belt issa jista’ jgawdi. Sostniet ukoll li jekk dan isir, ikun ifisser li mhix tinftiehem id-dikjarazzjoni importanti li dawn il-proġetti qed jagħtu lill-pajjiż u jwaqqgħu għaċ-ċajt l-importanza ta’ dan kollu għall-identità nazzjonali.

Il-Kamra tal-Periti qed tinsisti mal-Gvern li l-ispazji pubbliċi fil-pajjiż huma tal-poplu kollu u mhux ta’ grupp ta’ nies u għalhekk għandhom jiġu ddisinjati wara li jiġu mfittxija l-aħjar talenti, b’kompetizzjonjiet miftuħa u intelliġenti u b’diskussjonijiet miftuħa. Saħqet li kif mexa l-Gvern dwar Pjazza Kastilja hi xi ħaġa tal-passat għad-demokrazija Maltija.