Lokali

Il-Kummissjoni għall-Edukazzjoni Għolja twieġeb għat-tħassib tal-KSU dwar kriterji għal università

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Għolja, fi stqarrija, wieġbet għal tħassib li wera l-Kunsill tal-Istudenti tal-Università (KSU) b’rabta mad-dħul ta’ Avviż Legali li jiddefinixxi kriterji għall-ftuħ ta’ università f’Malta.

Il-Kummissjoni qalet li l-bidliet imsemmija fl-Avviż Legali saru biex joħolqu parametri ċari għal entità li tkun għadha qed tiġi ffurmata inkella li tkun diġà teżisti, biex din tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala università. Qalet li l-bidla fin-numru ta’ korsijiet saret biex toħloq iktar possibiltajiet ta’ universitajiet ta’ natura differenti, fosthom professjonali, vokazzjonali jew oħrajn, li mhux bil-fors għandhom firxa wiesgħa ta’ korsijiet.

Spjegat li bir-rekwiżiti l-ġodda, jeħtieġ li universitajiet joffru mill-inqas 4 korsijiet f’livell MQF 5 sa 7 u juru li għandhom il-kapaċità li joffru programmi fil-livell 8. Spjegat li ma tipprojbixxi lil ebda università milli twettaq riċerka waqt li toffri programmi ta’ taħriġ li jkunu jinkludu wkoll element ta’ riċerka li trid issir mill-istudenti.

Il-Kummissjoni qalet li l-Avviż Legali ma jibdilx il-parametri ta’ kwalità li ġew definiti għall-ewwel darba fl-2012. Saħqet li bil-maqlub, qed jispeċifika proċeduri f’każ ta’ penali, għalhekk qed issaħħaħ l-infurzar.

Spjegat li l-korsijiet taħt il-qafas ta’ kwalifiċi f’Malta, għandhom l-istess livell ta’ dawk Ewropej u se tkompli tisħaq li l-istandard għoli ta’ edukazzjoni f’Malta jibqa’ jinżamm.