Għawdex Lokali

Il-PL jgħid li ħa azzjoni mmedjata dwar ix-xogħol fil-privat f’Għawdex … imma kien ilu jaf seba’ xhur

Il-Partit Laburista organizza konferenza tal-aħbarijiet, li matulha l-Ministru Owen Bonnici ftaħar li l-Gvern Laburista ħa azzjoni mmedjata meta kellu rapporti li allegatament sar xogħol fil-privat f’Għawdex.

Iżda ftit biss qabel, meta mistoqsi mill-Prosekuzzjoni fix-xhieda tiegħu fil-Qorti ta’ Għawdex, il-Whistleblower Joe Cauchi qal li f’Settembru tas-sena li għaddiet mar il-Ministeru jilmenta mas-Segretarju Permanenti biex jiġbor flusu għal xogħlijiet li qabbdu jagħmel Anthony Debono b’rabta ma’ xogħlijiet fil-privat.

Madankollu, l-ewwel rapporti ta’ dan il-każ ħarġu fil-beraħ fil-media lejliet l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali ta’ April li għadda u mhux f’Settembru, meta Cauchi tkellem għall-ewwel darba dwar dan il-każ ma’ Uffiċjal tal-Gvern.

Dan igiddeb dak li qal il-Ministru Owen Bonnici, hekk kif bejn Settembru u April għaddew seba’ xhur biex il-każ kien żvelat fil-pubbliku.

Sadanittant, fl-istess konferenza tal-aħbarijiet ma ntqal xejn dwar sensiela twila ta’ xogħlijiet li saru wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, meta fit-tmexxija tal-Ministeru għal Għawdex kien u għad hemm il-Ministru Anton Refalo.