Futbol Sport

Imut plejer ieħor fil-pitch

Id-difensur Arġentin Cristian Gomez, miet wara li tah ħass ħażin waqt logħba mal-klabb ta’ Atletico Parana l-Ħadd.

Il-plejer ta’ 27 sena ntilef minn sensih wara nofs siegħa mill-bidu tal-partita kontra Boca Unidos fit-Tieni Diviżjoni fl-Arġentina magħruf bħala Primera B.

“Ippruvajna nqajmuh imma miet fi triqtu l-isptar,” qal it-tabib Miguel Darre ta’ Boca Unidos.
Meta Gomez ikkollassa l-plejers miż-żewġ naħat malajr neħħew il-flokkijiet u bdew irewħulu bihom waqt li talbu għal għajnuna.

“It-tobba qalulna li ma setgħux iqajmuh. Dan assolutament mhux mistenni. Inkredibbli. Qatt ma kellu xejn ħażin,” qal is-supervisor tal-logħba Ramon Gomez.

Il-partiti fl-Arġentina kienu għadhom qed jitkomplew fi tmiem din il-ġimgħa wara l-mewt ta’ Emanuel Ortega fl-14 tax-xahar.

Id-difensur Ortega li kellu 21 sena miet wara li ħabat rasu ma’ ħajt tal-konkos mad-dawra tal-pitch.