Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil irrefera għax-xhieda mogħtija fil-Qorti t’Għawdex minn Joe Cauchi, kif irrappurtata f’ġurnali lokali.
Simon Busuttil qal li Cauchi kkonferma dak li qal hu iktar kmieni dwar il-laqgħa li kellu miegħu f’Ġunju tal-2013.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar li Cauchi talab li jiltaqa’ miegħu ftit wara li nħatar Kap tal-PN f’Mejju tal-2013, u ppubblika l-email li kienet intbagħtitlu dakinhar u t-tweġiba tiegħu. Tenna li fil-laqgħa ta’ xahar wara, Cauchi lmenta li kien għad irid jitħallas ta’ xi flus mill-Ministeru għal Għawdex u li kien inkwetat li bil-bidla fil-Gvern ma kienx se jitħallas. Simon Busuttil tenna li dakinhar kien qallu li ma kien hemm ebda raġuni għaliex impenn finanzjarju ma jitħallasx minħabba bidla fil-Gvern.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li f’din il-laqgħa, Cauchi ma semmielu fl-ebda ħin l-allegazzjoni ta’ “xogħlijiet għall-voti”. Busuttil saħaq li kieku din issemmietlu, kien iwieġeb li, kieku l-affarijiet kienu hekk, ma kienux se jingħataw fondi pubbliċi għal xogħlijiet fi propjetà privata għax dan ikun ifisser użu ħażin ta’ fondi pubbliċi.
Il-Kap tal-PN fakkar li diġà għamel dikjarazzjoni lill-istampa f’dan is-sens, iktar minn xahar ilu, u din ġiet ippubblikata fil-ġurnal The Times of Malta tal-31 ta’ Marzu 2015.
Saħaq li l-verità hi li jekk hemm xi ħadd li kien jaf b’dawn l-allegazzjonijiet u żammhom moħbija, dan kien Joseph Muscat u Anton Refalo.
Spjega li l-Mexxej Laburista żgur kien jaf għax hu ċar li l-Partit Laburista ħareġ dawn l-allegazzjonijiet fl-istampa lejlet kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, f’dak li ddeskriva bħala “pattern li issa drajna”.
Simon Busuttil qal li Anton Refalo kien jaf minn, mill-inqas, is-sajf li għadda. Saħaq li la Muscat u lanqas Refalo ma spjegaw għaliex żammew din l-informazzjoni għalihom u użawha meta kien jaqblilhom minflok ma rrappurtawha mill-ewwel lill-Pulizija.
//= $special ?>