Internazzjonali Kurżitajiet

Johnny Depp jiffaċċja possibiltà ta’ ħabs jew multa kbira fl-Awstralja minħabba l-klieb

Il-klieb ta’ Johnny Depp, Pistol u Boo, iktar kmieni dan ix-xahar kienu qed jiffaċċjaw il-possibiltà li jitraqqdu fl-Awstralja kieku ma ttieħdux lura fl-Istati Uniti.

Dan għaliex iddaħħlu fil-pajjiż b’mod illegali għax ma ntalbitx l-awtorizzazzjoni meta Depp kien fl-Awstralja biex jinġibed l-aħħar film ta’ Pirates of the Caribbean.

Jidher li din il-kwistjoni ma waqfitx hemm, minkejja li Depp reġa’ ħareġ lura l-annimali fi żmien il-50 siegħa li ngħatawlu dakinhar.

Skont The Sydney Morning Herald, uffiċjali tal-Gvern f’Canberra kkonfermaw li Depp jista’ jiffaċċja sentenza sa għaxar snin ħabs jew multa sa €240,000 talli kiser il-liġi dwar il-kwarantina meta daħħal iż-żewġt iklieb fil-pajjiż.

Anke l-pilota tal-ajruplan li permezz tiegħu ddaħħlu l-Awstralja, jista’ jiffaċċja sa sentejn il-ħabs talli “importa mingħajr ma ddikkjara” ż-żewġt iklieb. Pistol u Boo ma kinux ġew innutati meta l-ajruplan ta’ Depp niżel f’Sydney imma l-awtoritajiet indunaw biss meta ttieħed ritratt tagħhom u xxerred fuq il-midja soċjali wara li dawn ittieħdu għal trattament.