Kaos u traffiku qawwi fix-Xatt tal-Imsida minħabba karozza tal-linja li waqfet fil-bus lane ta’ ħdejn il-fergħa tal-Bank of Valletta.
Kollox beda għall-ħabta tan-12.30pm meta, għal xi raġuni, karozza tal-linja fuq ir-rotta lejn Paceville waqfet fuq il-bus lane minħabba xi ħsarat tekniċi. Dan wassal biex il-bus lane ġiet imblukkata għalkollox b’madwar sitt karozzi tal-linja oħra mwaħħla warajha.
Numru ta’ xufiera ta’ karozzi tal-linja oħra ndunaw b’dak li ġara u għaddew mit-triq normali biex jevitaw it-traffiku tal-bus lane. Madankollu, dan kompla jżid mal-problemi ta’ traffiku fi triq daqstant traffikuża.
Madankollu, u minbarra l-konġestjoni tat-traffiku, dan seta’ kien ta’ periklu għal dawk li xtaqu jirkbu fuq tal-linja. Dan hekk kif il-persuni kellhom jgħaddu minn qalb il-karozzi tal-linja mblukkati u oħrajn kellhom saħansitra jinżlu l-bankina.
Sa mill-bidu tal-proġett, kienu ħafna r-residenti u s-sidien tan-negozji f’din it-triq li lmentaw dwar in-nuqqas ta’ prattiċità li għandha din il-bus lane. Madankollu, meta kienu ressqu l-ilmenti lill-Ministeru mmexxi minn Joe Mizzi, ingħataw ir-risposta li jistgħu jinżammu responsabbli finanzjarjament jekk il-proġett ma jitlestiex fil-ħin u jintilfu l-fondi miksuba mill-Unjoni Ewropea għal dan il-proġett.
L-aktar punti li tqajjmu mir-residenti u s-sidien tan-negozji kienu li t-triq hi dejqa ħafna, kif ukoll li l-bankina ma teżistix, speċjalment fejn it-taraġ tar-residenzi jinħarġu naqra aktar ‘il barra. Ħafna kienu dawk li staqsew kif se jgħaddu l-persuni li jkunu qed jimbuttaw xi pushchair, inkella li jkunu fuq xi siġġu tar-roti.
Ftit tal-jiem wara li din il-bus lane bdiet tintuża’, raġel intlaqat minn karozza tal-linja wara li kien għadu kif ħareġ mill-fergħa tal-Bank of Valletta. Dan hekk kif m’hemmx distinzjoni bejn il-bankina u t-triq għall-vetturi, ħlief il-kurduna tal-bankina li tissepara ż-żewġ żoni.
//= $special ?>