Lokali

Konflitt ta’ interess li qatt ma kien żvelat mill-Gvern dwar il-konkos f’Mater Dei: is-Segretarju tal-FMS hu t-tifel tal-eks Imħallef Sciberras

L-inkjesta dwar il-materjal użat fl-istrutturi għad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei hi mdawra b’każ ta’ konflitt ta’ interess li l-Gvern qed iżommu mistur. Dan hekk kif jirriżulta li propju l-eks Imħallef Philip Sciberras, li kien magħżul mill-Gvern biex imexxi l-inkjesta, hu missier is-Segretarju tal-Bord tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) Alex Sciberras (ritratt).

Fil-ħarġa tal-lum, il-ġurnal In-nazzjon irrapporta kif dan il-konflitt ta’ interess qatt ma kien żvelat mill-Gvern u sa fejn hu magħruf, il-Gvern jew il-Ministeru tas-Saħħa ma għamlu l-ebda dikjarazzjoni pubblika qabel bdiet l-inkjesta biex jinfurmaw lill-pubbliku li l-Imħallef li qed imexxi din l-inkjesta importanti jiġi proprju missier impjegat ewlieni tal-FMS.

Alex Sciberras hu esponent ewlieni tal-Partit Laburista, Kandidat fl-elezzjonijiet ġenerali u jieħu sehem attiv fil-ħidma politika tal-Partit. Hu kien jokkupa wkoll il-kariga ta’ Sindku Laburista fl-Imsida u bħalissa hu l-Viċi Sindku tal-istess lokalità.

Il-FMS kienet il-fondazzjoni responsabbli mill-bini tal-Isptar Mater Dei u għalhekk hi komponent importanti u fundamentali fis-settur mediku fil-pajjiż. L-inkjesta ppreseduta mill-eks Imħallef Sciberras qed tinvestiga proprju xogħlijiet li saru fl-Isptar Mater Dei mill-FMS, li hi responsabbli għal kull proġett strutturali fis-settur mediku kif ukoll għall-proġetti kollha ta’ modernizzazzjoni fis-settur.

In-Nazzjon irrapporta kif minbarra l-każ tal-konflitt ta’ interess mhux dikjarat, l-inkjesta li qed tistħarreġ il-materjal li ntuża fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei meta kien qed jinbena hi mdawra minn kontroversja. Dan hekk kif Ministri tal-Gvern qed jiżvelaw dettalji minnha minkejja li din għadha mhix konkluża.

Aktar dettalji fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal In-Nazzjon.