Lokali

L-interessi ta’ min qed jiddefendi l-Gvern ta’ Muscat? – il-PN

L-interessi ta’ min qed jiddefendi l-Gvern ta’ Joseph Muscat? Din hi l-mistoqsija li qed tagħmel l-Oppożizzjoni Nazzjonalista b’rabta mad-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi, li l-Gvern ma jistax ifittex lil dawk kollha li huma responsabbli ghall-allegat konkrit dgħajjef f’ċerti binjiet tal-Isptar Mater Dei.

Dan sostnewh waqt konferenza tal-aħbarijiet ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Butigieg u l-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Ann Fenech. Ann Fenech qalet li l-waiver, li tkellem dwarha Konrad Mizzi mhux neċessarjament tgħid dak li qal il-Ministru, jiġifieri li kien iffirmat ftehim li bih Skanska ma kellhiex tinżamm responsabbli għal problemi futuri fil-proġett.

Il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista kompliet tispjega li fil-Liġi hemm Artiklu li jagħti drittijiet ta’ ordni pubbliku li bih ma tistax taqbad u tneħħi kuntratt b’waiver. Dan ifisser, spjegat Ann Fenech, li bis-saħħa ta’ dan l-Artiklu l-Gvern jista’ jfittex lil Skanska.

Min-naħa tagħha, Claudette Buttigieg sfidat lill-Gvern biex jekk verament m’għandu xejn x’jaħbi, jippubblika b’mod immedjat it-tenders tal-bini tal-Isptar Mater Dei, bl-ispeċifikazzjonijiet kollha nkluż dawk tal-konkrit, ir-riżultati u ċ-ċertifikazzjonijiet tat-testijiet kollha li saru matul is-snin fuq il-proġett u r-rapport sħiħ bl-analiżi u r-riżultati li sar mill-kumpanija Arup.

Ix-Shadow Minister għas-Saħħa temmet tgħid għalfejn il-Ministru Konrad Mizzi qed ikun selettiv u jikkwota biss partijiet mir-rapport tal-Arup, kif ukoll li jkun aktar selettiv meta jgħaddi partijiet minnu lil sezzjonijiet tal-media.