Id-Difiża tiddikjara kunflitt ta’ interess fil-pożizzjoni li ħa l-Avukat Ġenerali fil-ħruġ taċ-ċertifikat tal-whistleblower
Il-Whistleblower li xehed fil-Qorti ta’ Għawdex, ikkonferma li qatt ma tkellem mal-Kap tal-Oppożizzjoni li x-xogħlijiet li tqabbad jagħmel f’Għawdex, kienu xogħlijiet għall-voti.
Joe Cauchi, magħruf bħala Ta’ Sansun, għamel din id-dikjarazzjoni fil-Qorti fil-każ li l-Pulizija qed tressaq kontra Anthony Debono, ir-raġel tal-mara tal-eks-Ministru Giovanna Debono.
Għall-mistoqsijiet tad-Difiża mmexxija mill-Avukat Joe Giglio, Joe Cauchi, qal li fil-laqgħa li hu talab mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, kien kellmu dwar pagamenti pendenti dwar xogħlijiet li saru f’Għawdex. Mitlub jiftakar eżatt jekk intqalx il-kliem li x-xogħlijiet saru għall-voti, ix-xhud qal li ma jaħsibx u li l-interess tiegħu kien li jitħallas għax-xogġol li għamel.
Fil-Qorti ta’ Għawdex l-Avukat Joe Giglio ddikjara li l-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali fil-ħruġ taċ-ċertifkat tal-whistleblower fil-każ ta’ Anthony Debono, hi konflinġenti għaliex effettivament, id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali biex joħroġ ‘l hekk imsejjaħ ċertifikat tal-whistleblower, hu f’kunflitt mal-funzjoni tiegħu.
L-Avukat Giglio ddikjara li mhuwiex f’pożizzjoni li jikkontesta l-prima facie fir-rigward ta’ diversi reat, u li fil-fehma tad-difiża ma jirriżultawx lanqas sal-grad ta’ prima facie. Id-difiża qalet li dan hu ta’ preġudizzju għall-imputat li se jkun kostrett jgħaddi kumpilazzjoni anki dwar diversi akkużi li, fil-fehma tad-difiża lanqas sal-grad ta’ prima facie ma jirriżulta. Talab ukoll lill-Qorti tordna lill-Kummissarjju tal-Pulizija jgħaddi kopja tal-police file tal-każ lid-difiża.
Id-difiża sostniet ukoll li jeżisti kunflitt serju bejn l-Avukat Ġenerali meta jilbes il-kappell li jikkontrolla u jieħu deċiżjonijiet dwar il-kontinwazzjoni jew le ta’ proċeduri kriminali, u l-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali bil-kappell li jiddeċiedi lil min għandu jiċċertifika bħala whistleblower.
Id-difiża qed tirriserva wkoll li tieħu l-passi kollha neċessarji fir-rigward ta’ dan il-kunflitt gravi li jeżisti fil-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali.
Filwaqt li l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talbiet tad-difiża u se tkun qed tagħti r-risposti tagħha, il-Qorti tat żmien ta’ 48 siegħa biex l-Avukat iwieġeb għal dawn it-talbiet.
Il-Qorti ta’ Għawdex preseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri, kompliet tisma’ l-każ li l-Pulizija qed tressaq fil-Qorti ta’ Għawdex kontra Anthony Debono, li hu akkużat b’misapproprijazzjoni, frodi u falsifikazzjoni għad-dannu tal-Gvern fis-sena 2013 u qabel.
Fis-seduta tal-lum, xehed għal ħin twil Joe Cauchi, mill-Għarb, li kien assistit mill-Avukat Robert Abela. Qabel ma beda jixhed, il-Prosekuzzjoni ppreżentat kopja taċ-ċertifikat ta’ maħfra, bħala Whistleblower maħruġ mill-Avukat Ġenerali, biex Joe Cauchi jkun jista’ jixhed fil-każ.
Waqt li kien qiegħed jagħti x-xhieda tiegħu, il-Maġistrat ġibed l-attenzjoni tax-xhud ewlieni tal-Prosekuzzjoni, il-whistleblower, biex ikun ċar u jiftakar tajjeb dwar l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għaliex dwar dak li kien qiegħed jitkellem dwaru, kien biss tmien ġimgħat ilu.
Aktar tard, il-Maġistrat Neville Camilleri waqqaf ukoll lix-xhud milli waqt ix-xhieda jdur biex ibus is-salib, bil-Maġistrat jirrimarka li jekk iħoss li jsir dan, jitolbu hu.
Tul ix-xhieda fit-tul ta’ Joe Cauchi li kien qiegħed jirrispondi għall-mistoqsijiet tal-Prosekuzzjoni, l-Avukat Joe Giglio li qed jidher għal Anthony Debono, irrimarka mal-Qorti li x-xhud għandu jitħalla jirrispondi u jispjega u mhux jitwaqqaf mll-Prosekuzzjoni billi jsiru mistoqsijiet oħrajn.
Joe Cauchi qal li hu kuntrattur fil-qasam tal-kostruzzjoni u li jagħmel diversi xogħlijiet, fosthom ukoll xogħol ta’ eskavazzjoni anke għall-Gvern.
Ix-xogħol li kien jitfa’ l-offerti għalih kien jikkonsisti f’xogħlijiet fit-toroq u kien jiprovdi l-makkinarju u d-driver hu, u mbagħad jiġu l-ħaddiema tal-Gvern u jkomplu.
Mistoqsi mill-Prosekuzzjoni jgħid kif wasal li jirrapporta irregolaritajiet, ix-xhud qal li f’Settembru tas-sena l-oħra mar il-Ministeru jilmenta mas-Segretarju Permanenti biex jiġbor flusu għal xogħlijiet li qabdu jagħmel Anthony Debono b’rabta ma’ xogħlijiet fil-privat.
Qal ukoll li dwar dawn l-ilmenti talab jiltaqa’ mal-Kap tal-Oppożizzjoni u meta mar ikellmu fl-uffiċċju tiegħu, iltaqa’ ma’ Chris Said waqt li kien tiela’ biex jiltaqa’ mal-Kap tal-Oppożizzjoni fid-Dar Ċentrali. Bagħat ukoll emails u dokumenti lil David Agius u anke lil Chris Said.
Xehed ukoll li kien iċempel diversi drabi lil Anthony Debono biex jitħallas għal dak li x-xhud iddeskriva bħala taħwid, u li hu kien iżomm in-noti fuq scrapping paper.
F’dan l-istadju tax-xhieda, il-Maġistrat irrimarka li lix-xhud, il-Prosekuzzjoni trid tagħmillu biss il-mistoqsijiet u jidderiġih, u mhux titkellem hi.
Dwar il-mod kif kien qed jitħallas, ix-xhud qal li Anthony Debono kien jiġi d-dar tiegħu biex iħallsu b’pagamenti b’ċekkijiet tal-gvern, darba f’sena, fi Frar jew f’Diċembru. Xehed ukoll li kien iġiblu l-karti u jagħmillu l-invoice hu. Qal ukoll li mhux l-invoices kollha għandu kopja tagħhom hu.
Fuq l-invoice kien ikun hemm deskrizzjoni tax-xogħol u qal li dawk kienu jkunu sigħat imniżżla fuq l-invoice, fuq karti li kien jagħtih hu, b’dettalji tax-xogħlijiet ivvintati biex isiru l-pagamenti fuq ħlasijiet pendenti. Qal lill-Qorti li bħala manager tas-CMU, Anthony Debono kien iniżżel hu fejn ikunu saru x-xogħlijiet, u jkun hemm il-pagamenti relatati mas-sigħat li jitniżżlu. L-invoices kienu jsiru biex jinqatgħu l-pagamenti. Qal li bħal dawn hemm 70 invoice.
Għal aktar mistoqsijiet tal-Prosekuzzjoni, ix-xhud irrimarka wkoll li mhux qed jgħid li ma jkun għamel xejn mix-xogħlijiet li jitniżżel fl-invoices. Reġa’ tenna li l-invoices mhux kollha huma nkorretti, għaliex hu kien jagħmel xogħol.
Joe Cauchi tkellem ukoll dwar l-investigazzjonijiet tal-Pulizija u qal li meta kkuntattjawh il-Pulizija tmien ġimgħa ilu, infurmawh li riduh imur immedjatament u baqa’ sejjer id-depot bil-ħwejjeġ tax-xogħol. Ħa miegħu l-file. Il-Pulizija qalulu li għandu l-maħfra wkoll biex jixhed kollox.
Il-Pulizija talbet lil Joe Cauchi jispjega fil-Qorti u jitkellem dwar il-postijiet f’Għawdex li fihom ħa lill-Pulizija fl-investgazzjonijiet b’rabta mal-każ, u fejn kien imqabbad jagħmel ix-xogħlijiet. Fost dawn ix-xogħlijiet semma dak li kien imqabbad jagħmel fil-ground tal-futbol tal-Għarb, fl-2006. Fuq ħlas, ma tkellmux, iżda x-xogħol kien sar.
Mill-mistoqsijiet li kien mitlub iwieġeb, Joe Cauchi qal li hu kien ukoll President tal-klabb tal-futbol fl-istess lokalità, tal-Għarb Rangers, u qal li hu ma ffirmax biex isiru x-xogħlijiet fil-ground. Ix-xhud kien muri ftehim bejn l-Assoċjazzjoni tal-Futbol ta’ Għawdex u l-President tal-klabb tal-Għarb, bil-firma tiegħu, u qal li hu qatt ma ftiehem dwar titjib fil-faċilitajiet ta’ dan il-ground.
Fost ix-xogħlijiet oħrajn li semma u li x-xhud qiegħed jilmenta li ma tħallasx, kienu xogħlijiet li saru fiż-Żebbuġ fil-ġurnata tal-aħħar elezzjoni ġenerali. Xogħlijiet oħrajn kienu marbuta ma’ pjattaforma għall-festa tal-Għarb,u xogħol marbut ma’ ħsarat fis-sistema tad-drenaġġ fl-Għasri.
Joe Cauchi spjega li Anthony Debono kien iċempillu u jgħidlu biex jagħmillu pjaċir u jagħmillu dawn ix-xogħlijiet. Għal dawn ix-xogħlijiet, qal fil-Qorti, hu kien jippretendi li jtħalllas bil-mod tas-soltu.
Il-mistoqsijiet tal-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Ian Abdilla u Rennie Stivala, kienu ripetuti u simili dwar kull każ li l-Pulizija talbet lill-whistleblower iwieġeb dwaru, fosthom min qabbdu jagħmel ix-xogħol, xkien jikkonsisti x-xogħol, meta u kemm dam, u jekk tħallasx jew ħariġx invoice.
Mistoqsi dwar Sammy Camilleri, magħruf bħala ‘tal-Geżiż’, li joqgħod ukoll fit-triq tiegħu fl-Għarb, ix-xhud qal li hu ħabib ħafna ta’ Anthony Debono. Qal li Anthony Debono rranġalu ħafna affarijiet u ħafna minn dawn ix-xogħlijiet għamilhom hu, fosthom fil-barriera b’xogħol ta’ eskavazzjoni u ta’ drenaġġ. Qal li Sammy Camilleri kien jitolbu jagħmillu xogħol li bih ma kienx ikun jaf Anthony Debono. Qal li Sammy Camilleri kien jippretendi li x-xogħol jitħallas minn Anthony Debono.
Mitlub jgħid kemm hu l-bilanċ li jonqsu jitħallas tax-xogħlijiet li għamel, Joe Cauchi qal l-ewwel, li hu tħallas €45,000 u għandu jieħu €34,995. Qal li sal-2006, għalih, ix-xogħlijiet huma kollha mħallsa u hemm parti oħra mħallsa għall-2007.
F’April tal-2013, qal li kien għamel statement dwar il-ħlasijiet pendenti. Spjega li wara laqgħa li kellu ma’ Chris Said, li qal li ried ikun jaf x’xogħlijiet saru u x’sar eżatt, ix-xhud qal li qabbad lil Joseph Refalo biex jaħdem statement aktar dettaljat.
Xehed ukoll li fil-21 Ġunju 2014, bagħat lil Chris Said email bl-istatement tax-xogħlijiet kollha dettaljati u tal-ħlasijiet dovuti. Spjega fil-Qorti, li bi żball, dak l-istatement ma kienx korrett. Kompla jixhed li dan kollu jwassal li wara d-diskrepanzi li nstabu meta nħadem l-istatement, il-bilanċ dovut lilu issa hu ta’ €18,595.48.
Semma wkoll li wara l-elezzjoni, hu baqa’ jċempillu jitolbu għall-pagamenti. Qal li fit-8 ta’ Frar 2014 Anthony Debono ġablu €10,000 cash. Pagament ieħor sar fid-29 ta’ Diċembru 2014, meta tah €10,000 cash.
Mitlub jispjega għalfejn kien baqa’ jaħdem ix-xogħlijiet meta ma kienx qed jitħallas, ix-xhud qal li jekk ma jagħmlux hu, ix-xogħol kien jagħmlu ħadd ieħor.
Mistoqsi mid-difiża għaliex tkellem issa dwar dawn ix-xogħlijiet u l-pagamenti, ix-xhud qal li għamel dan biex jitħallas.
Spjega wkoll li kien mar għand il-Ministru Refalo jagħmel rapport fejn kien hemm Grezzju Mercieca, Chris Zammit, is-Segretarju Permanenti u żewġ tfajliet oħra u qalulu li dan hu każ ta’ whistle blower. Dan kien 17 ta’ ottubru 2014.
Qal ukoll li wara li tkellem dwar dawn il-pagamenti li ma kienx tħallas u x-xogħlijiet meta mar għand il-Ministru Refalo, tkellem biss dwarhom meta mar l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja fejn dakinhar qabbad lill-Avukat Robert Abela biex jassistih, minħabba li dak iż-żmien kien li qed jaħdimlu f’dak li kienet qed tiġi konvertita f’Għawdex.
Mistoqsijiet speċifiċi saru b’rabta mal-laqgħa li kellu mal-Kap tal-Oppożizzjoni, ix-xhud żied jgħid ukoll li kien sar skambju wkoll ta’ emails ma’ David Agius. Tenna wkoll li filwaqt li informa lill-Kap tal-Oppożizjzoni dwar il-pagamenti pendenti, jaħseb li ma sarx diskors li x-xogħlijiet saru għall-voti.
Irriżulta wkoll li ċ-ċertifkat tal-whistleblower ħareġ fil-31 ta’ Marzu
//= $special ?>