Internazzjonali

Qawwiet Iraqqin f’offensiva determinata fuq l-ISIS

Il-qawwiet tal-Gvern fl-Iraq bdew offensiva determinata biex ikeċċu lill-militanti tal-ISIS mill-provinċja ta’ Anbar.

F’din il-kampanja militari, it-truppi u l-milizzji Xiti alleati mal-Gvern Iraqi qed javvanzaw mill-provinċja ta’ Salahuddin bl-iskop li jiżolaw lill-ISIS fl-inħawi tal-belt ta’ Ramadi li jiem ilu kienet waqgħet f’idejn il-ġiħadisti.

Il-qawwiet Iraqin ilhom iż-żmien iħejju kontrattakk qawwi u qalu li f’dawn il-ġranet irnexxielhom ukoll jieħdu lura xi art lejn il-Lvant ta’ Ramadi.

L-Istati Uniti laqgħet b’sodisfazzjon din l-offensiva fuq l-ISIS anki jekk mhix komda għall-aħħar dwar ir-rwol prominenti tal-ġellieda Xiti li ħafna minnhom huma appoġġjati mill-Iran.

Sadanittant, il-kelliema f’Anbar mhumiex jistennew li l-kampanja militari kontra l-ISIS tieħu fit-tul. Fl-istess ħin, huma fiduċjużi dwar l-impatt ta’ armamenti ġodda li se jintużaw f’din il-battalja u li qalu ‘għandhom jissorprendu lill-għadu’.