Internazzjonali

Qed jgħidu li BB King ‘miet ivvelenat’

Il-Pulizija fl-Istat Amerikan ta’ Nevada qed tinvestiga jekk il-mewt tal-mużiċista tal-Blues leġġendarju, BB King, setgħetx kienet dovuta għal omiċidju. Dan wara li tnejn fost ulied il-mużiċista sostnew li missierhom seta’ miet avvelenat.

Iż-żewġ ulied ta’ King, Karen Williams u Patty King, qalu li missierhom, li miet fid-dar tiegħu, f’Las Vegas, fl-età ta’ 89 sena, kien ingħata sustanzi biex iwasslu għal mewta qabel iż-żmien. F’dan il-każ huma qed jippuntaw subgħajhom lejn Laverne Toney, li kienet il-business manager ta’ BB King.

Intant, l-avukati li qed jieħdu ħsieb l-affarijiet personali ta’ BB King qalu li l-allegazzjonijiet huma infondati, minbarra li jiddiżrispettaw il-memorja tal-mużiċista.

Madankollu, il-possibbiltà ta’ omiċidju issa se tkun investigata mill-maġistrata inkwerenti kif ukoll mill-pulizija ta’ Nevada.