Lokali

Riżenja li tqanqal tħassib serju

Il-Kumitat Sezzjonali tal-PN u l-kunsillieri Nazzjonalisti f’Ħal Tarxien jitkellmu dwar ir-riżenja tas-Sindku Laburista

Ħal Tarxien jinsab bla tmexxija wara li s-Sindku Laburitsta Joseph Abela rriżenja mill-kariga minħabba – kif iddikjara hu stess fuq FB – nuqqas ta’ fondi u tfixkil intern

Il-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal Tarxien, flimkien mal-kunsillieri tal-PN f’din il-lokalità Ishmael Dalli u Lawrence Bonavia b’dispjaċir innutaw li wara sentejn biss minn mindu ġie elett l-aħħar kunsill, Ħal Tarxien spiċċa mingħajr Sindku wara li Joseph Abela rriżenja minn Sindku u mill-Kunsill Lokali.

Fi stqarrija ntqal li din ir-riżenja ġabet tħassib, l-iktar wara li Joseph Abela kien kiseb iktar mid-doppju tal-voti tas-Sindku Laburista preċedenti Pawlu Farrugia fl-aħħar elezzjoni fl-2013 – riżultat li dakinhar kien meqjus bħala vot ta’ sfiduċja fl-eks-Sindku wara snin ta’ tmexxija fjakka u ħidma minima fil-lokal.

Il-Kumitat Sezzjonali qal li ilu wkoll xhur sħaħ isegwi mil-viċin dak li kien qed jiġri fil-Kunsill Lokali fejn mill-ewwel xhur deher ċar li kienet teżisti qasma interna fi ħdan dan il-Kunsill.

Dan l-inkwiet intern bejn il-kunsillieri tal-Labour ħareġ biċ-ċar fil-messaġġ fuq Facebook ta’ Joseph Abela, meta fir-riżenja tiegħu sostna li mal-problema tan-nuqqas ta’ fondi kellu jiffaċċja dak li hu sejjaħlu ‘tfixkil intern’.

Dan id-diżgwid, tkompli l-istqarrija, huwa ukoll mera tat-tmexxija ħażina laburista fil-lokalità ta’ Ħal Tarxien. Ħal Tarxien ilu snin sħaħ f’telqa u l-uniċi proġetti li saru kienu numru ta’ toroq u restawr tal-kappella ta’ Santa Marija minn Gvern Nazzjonalista.

Ma’ dan id-dizgwid wieħed jinnota wkoll li f’sentejn u nofs fil-kunsill stess il-kariga ta’ Segretarju Eżekuttiv inbidlet tliet darbiet. Il-kunsillieri Nazzjonalisti kienu talbu wkoll li jsir awditjar tal-finanzi tal-kunsill mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, iżda din it-talba ġiet rifjutata.

L-ilment ewlieni ta’ Joseph Abela kien li ma kellux fondi biex ikun jista’ jaħdem. Il-Kumitat Sezzjonali tal-PN nnota li dan huwa riżultat ta’ inkompetenza fit-tmexxja tal-kunsill u n-nuqqas ta’ kapaċità li Kunsill b’maġġoranza Laburista jippjana u jonfoq il-fondi kif inhu xieraq. Il-Kumitat Sezzjonali qal ukoll li d-deċiżjoni li ħa l-Prim Ministru Joseph Muscat li jipposponi l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali għall-2019 se jkollha impatt negattiv ħafna wkoll fuq Ħal Tarxien għax il-poplu Tarxiniż se jkun imcaħħad mill-possibiltà li jirratifika s-sitwazzjoni fil-lokalità billi jivvota għal kandidati Nazzjonalisti.

L-istqarrija tfakkar ukoll kif il-Gvern Laburista kompla jnaqqas il-fondi għall-Kunsilli Lokali u b’hekk qed inaqqas il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, inkluż f’Ħal Tarxien. F’sentejn u nofs sħaħ ma sarx proġett wieħed f’Ħal Tarxien, b’numru kbir ta’ toroq jiddeterjoraw u bankini mkissrin jitħallew fi stat perikoluż. L-uniku proġett li jinsab għaddej bħalissa huwa dak tat-tempji Neolitiċi – u dan ukoll grazzi għal Gvern Nazzjonalista li kien kapaċi jattira fondi mill-Unjoni Ewropea għal dan il-patrimonju storiku.

Ħal Tarxien jixraqlu aħjar, qalet l-istqarrija. Ma jixraqlux kunsill maqsum minn ġlied intern bejn il-kunsillieri laburisti u ma jixraqlux kunsill li mhux kapaċi jqassam il-baġit tiegħu kif suppost u li m’għandux ħila jagħmel proġetti għall-ġid tal-lokal.

Ir-riżenja ta’ Joseph Abela ħarġet biċ-ċar id-defiċjenzi kbar fit-tmexxija laburista u li l-Partit Laburista aktar milli Roadmap ċara għandu biss viżjoni mċajpra, imnebbħa minn kilba għall-poter. It-Tarxinizi ma jridux taqtigħa għal Sindku, imma kunsill li jara l-bżonnijiet tar-residenti u jindirizzahom kif xieraq. Il-kunsillieri tal-PN Ishmael Dalli u Lawrence Bonavia, min-naħa tagħhom, qalu li huma se jibqghu jikkollaboraw bis-sħiħ, kif dejjem għamlu, għall-iżvilupp tal-lokalità.

L-istqarrija tintemm b’appell biex fl-elezzjoni li jmiss ir-residenti jivvutaw għall-kandidati tal-Partit Nazzjonalista ħalli ssir differenza verament f’Ħal Tarxien.