Lokali Mużika

RockAstra mill-ġdid fil-Belt Victoria

Is-Soċjetà Filarmonika La Stella ħabbret li għat-tielet sena konsekuttiva ser tkun qed ittella’ il-kunċert RockAstra, li se jsir il-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju, fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Victoria, Għawdex.

Dan il-kunċert, li issa sar appuntament annwali fil-kalendarju mużikali f’pajjiżna, tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet ġewwa il-bini tal-Kunsill Malti gћall-Arti, fil-Belt Valletta indirizzata mill-Onor. Dr Anton Refalo, Ministru għal Għawdex; Is-Sur Albert Marshall, Chairman tal-Kunsill Malti gћall-Arti; Dr Samuel Azzopardi, Sindku tal-Belt Victoria; Mro Sigmund Mifsud, direttur artistiku ta’ RockAstra; Michael Formosa, Segretarju Amministrattiv tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u Mariella Spiteri Cefai, direttriċi tal-kor tat-tfal tat-Teatru Astra ‘Piccole Stelle’.

F’dan l-ispettaklu, l-Banda Cittadina La Stella ser tkun taħt id-direzzjoni ta’ Sigmund Mifsud.

Michael Formosa qal li l-kunċert RockAstra għalkemm ilu issir biss għal dawn l-aħħar sentejn, diġà stabilixxa ruħhu bħala appuntament ewlieni fil-qasam mużikali ta’ pajjiżna u sena wara sena qiegħed dejjem jikber u jagħti identità aktar kontemporanja lill-Banda Ċittadina La Stella.

RockAstra, is-Soċjeta Filarmonika La Stella għall-ewwel darba, permezz ta’ fondi mill-programm Komunitajiet Kreattivi tal-Kunsill Malti gћall-Arti ser tkun qed torganizza sessjonijiet ta’ Master Classes fil-qasam tal-improvizazzjoni mużikali indirizzati kemm għall-istudenti bl-istrumenti tal-qasba u r-ram. Dawn is-sessjoniet li huma bla ħlas ser isiru fl-iskola tal-arti u l-mużika ta’ Għawdex – Visual & Performing Arts Centre u ser ikunu mmexxija minn Dr Matt McKay u Mro Alex Bezzina rispettivament, li huma professjonisti fil-qasam rispettiv.
Is-Sindku tal-Belt Victoria, Dr Samuel Azzopardi li wkoll indirizza l-konferenza tal-aħbarijiet, esprima s-sodisfazzjon tal-Kunsill Lokali Belt Victoria li ser jittella dan il-kunċert bil-kollaborazzjoni tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-istess Kunsill. Is-Sindku faħħar din l-inizzjattiva tas-Soċjeta Filarmonika La Stella li permezz ta’ RockAstra u attivitajiet oħra bħal Festival Mediterannea jkomplu jżommu l-aspett kulturali ġewwa Beltna fuq skala kbira li jagħtu gieħ lil-Beltna

Dawn l-attivitajiet mużikali li ser ikunu qed jiġu organizzati fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju qed issiru bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria, tal-Ministeru għal Għawdex, Kultura u Gvern Lokali u l-Awtorita tat-Turiżmu u bl-għajnuna ta’ General Soft Drinks Co. Ltd u Citadel Insurance plc. Il-masterclasses ta’ dan il-proġett qegћdin jittellgћu bl-gћajnuna tal-programm ta’ fondi Komunitajiet Kreattivi.

Id-dħul għal dan il-kunċert huwa mingħajr ħlas. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fuq 21550985 u www.lastella.com.mt