Grupp ta’ riċerkaturi tal-kanċer tas-sider mill-Università ta’ Malta għamel sejbiet ġodda li għandhom iħaffu t-terapija tal-pazjenti bil-kanċer tas-sider.
Ir-riċerkaturi Maltin issa mistennija jippreżentaw ir-riżultati tagħhom f’seminars internazzjonali f’Ġunju f’diversi ċentri Ewropej tar-riċerka.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Fiżjoloġija u l-Biokimika tal-Università ta’ Malta, il-Professur Christian Scerri, spjega kif waħda mill-akbar sejbiet tar-riċerkaturi Maltin hi dik ta’ eżami ġdid li għandu jiddefinixxi lill-pazjenti tal-kanċer tas-sider f’tipi magħrufa u ġodda li jħaffu t-tip ta’ terapija.
Il-proġett jiffoka fuq l-istudju tal-fatturi ta’ riskju marbuta mal-kanċer tas-sider, mal-patoloġija molekulari u l-klassifikazzjoni tal-pazjenti skont il-marki tal-proteina. Il-marki joffru tagħrif dwar il-kawżi u t-tipi ta’ mard, l-għażla u l-użu ta’ terapija speċifika, u jbassru r-riżultat tat-terapija speċifika.
Il-grupp ta’ riċerka hu mmexxi minn Dr Godfrey Grech u mill-Professur Christian Scerri. Jinkludi xjentist tar-riċerka postdottorali Dr Christian Saliba, erba’ studenti tal-Ph.D. u tnejn li qed jagħmlu l-Masters fix-Xjenza.
Ingħataw fondi mill-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija tal-Università ta’ Malta u fondi mill-Programm ta’ Politika ta’ Koeżjoni ta’ bejn l-Italja u Malta (2007-2013) li hu parti mill-Fond ta’ Żvilupp Reġjonali Ewropew.
Ir-riċerka kienet strumentali għal numru ta’ programmi ta’ taħriġ tal-istudenti li qed jagħmu l-Baċellerat u għal dawk postgradwatorji. Fil-fatt, ingħataw żewġ boroż ta’ studju għall-Ph.D. bis-saħħa tal-impenn u l-fondi li nġabru mill-ALIVE Charity Foundation u minn Action for Breast Cancer Foundation.
Is-Sur Wilfred Kenely, il-Kap Eżekuttiv tal-Fond ta’ Riċerka tal-Università, fisser kif l-avvanzi fit-terapija tal-kanċer tas-sider f’Malta jixhdu kemm ir-riċerka hi importanti għas-soċjetà tal-lum u tal-ġejjieni.
//= $special ?>