Internazzjonali

Tifel misjub ħati dwar kumplott fl-Awstrija

Qorti fil-belt ta’ St Poelten ikkundannat tifel ta’ 14 il-sena b’reati konnessi mat-terroriżmu fl-Awstrija. Dawn ir-reati kienu jinkludu kumplott potenzjali għal attakk bil-bombi fi stazzjon tal-ferrovija fil-belt kapitali Vjenna.

It-tifel kien ikkundannat tmien xhur detenzjoni u qed jiffaċċja wkoll sentenza ta’ arrest sospiża ta’ 16-il xahar.

Dan it-tifel, imwieled it-Turkija, ilu jgħix fl-Awstrija mill-2007 u kien arrestat f’Ottubru li għadda. Il-Prosekuturi qalu li t-tifel, li dalwaqt jagħlaq 15 il-sena, kellu l-kuntatti mas-sostenituri tal-ISIS u l-Al-Qaida, bil-ħsieb li jmur jiġġieled bħala ġiħadista fis-Sirja.

L-Awstrija, l-istess bħal pajjiżi oħra tal-Ewropa, qed issibha diffiċli biex twaqqaf ir-reklutaġġ tal-adolexxenti mis-sostenituri tal-ISIS.

Ir-rapporti qalu li t-tifel inkwistjoni kien qed jingħata l-istruzzjonijiet dwar kif jipproduċi tagħmir splussiv. Fil-fatt, hu kien arrestat f’Ottubru meta l-pulizija qalu li kien qed jaħseb biex jixtri kimika għal bomba li ried jisplodi f’xi post pubbliku, bħall-istazzjon tal-ferrovija ta’ Westbahnhof, fi Vjenna.