Lokali Parlament

Twaqqfu skemi u inizjattivi li kienu jgħinu lill-persuni b’diżabbiltà jidħlu fid-dinja tax-xogħol

M’hemmx għarfien biżżejjed u koordinament bejn il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà u l-ETC

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar appella lill-Gvern jagħti direzzjoni ċara favur il-persuni b’diżabbiltà biex huma wkoll jingħataw l-opportunitajiet li jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Irrimarka li fl-aħħar sentejn twaqqfu skemi, inizjattivi u programmi li kienu jgħinu lill-persuni b’diżabbiltà jidħlu f’impjieg.

Fid-dibattitu fil-Parlament dwar ir-rapport ta’ ħidma u l-estimi tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC), Robert Cutajar tkellem dwar il-persuni vulnerabbli u d-dinja tax-xogħol u qal li fil-passat sar ħafna iżda qatt mhu biżżejjed. Appella biex jekk hemm inizjattivi tajba li tħaddmu fil-passat, dawn għandhom jibqgħu u jiġu msaħħa.

Irridu naraw li jkun il-privat u mhux il-Gvern li joħloq il-postijiet tax-xogħol
Irrimarka dwar is-sinjali pożittivi fit-tnaqqis tal-qgħad tul din il-leġiżlatura wkoll li jkomplu max-xejriet pożittivi tal-aħħar snin. Staqsa iżda, kemm hemm minn dawn li sabu xogħol u li spiċċaw mal-Gvern. Appella lill-Gvern li jekk irridu nifirħu għaċ-ċifri pożittivi fil-qasam tax-xogħol u t-tnaqqis fil-qgħad, irridu naraw li jkun il-privat u mhux il-Gvern li joħloq il-postijiet tax-xogħol.

Wissa li jekk dan hu l-każ li s-settur pubbliku assorba numru kbir ta’ persuni li kienu qed ifitxxu xogħol, il-Gvern ikun qiegħed jiżbalja għaliex ikun qiegħed jitfa’ l-piż fuq is-settur pubbliku.

Robert Cutajar tkellem fit-tul dwar il-persuni vulnerabbli u b’diżabbiltà, u dwar l-istrateġija u l-impenn politiku meħtieġ mill-Gvern biex dawn il-persuni wkoll jingħataw l-opportunitajiet li jidħlu huma wkoll fid-dinja tax-xogħol.

Filwaqt li rrimarka li sar diġà ħafna xogħol fis-snin li għaddew u li x-xogħol favur dawn il-persuni qatt mhu biżżejjed, Robert Cutajar appella għal rieda u sinerġija biex l-iskemi ma jibqgħux biss fuq il-karta iżda jissarrfu u jħallu l-frott fit-tul.

Innota li fl-aħħar sena, ir-rata tal-persuni f’diżabbiltà li sabu impjieg baqa’ fl-istess livell tas-sena ta’ qabel. Staqsa kemm hu r-reġistru tal-persuni b’diżabbiltà li qed jirreġistraw għax-xogħol.

Il-Gvern ta impressjoni differenti dwar il-garanzija liż-żgħażagħ
Ikkritika wkoll il-garanzija li l-Partit Laburista ta liż-żgħażagħ fil-kampanja elettorali. Robert Cutajar fisser li l-kritika tal-Oppożizzjoni hi li l-Gvern ta impressjoni mod għaliex meta wieħed jara l-garanzija li ta, u dak li wettaq, il-Gvern seta’ wera prijorità akbar fl-aħħar sentejn. Dan minbarra li ma kien hemm ebda aċċenn lanqas fuq il-persuni b’diżabbiltà.

Irrimarka wkoll li m’hemmx għarfien biżżejjed u koordinament bejn il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà u l-ETC. Il-Gvern għandu jirrikonoxxi li l-Kummissjoni għandha rwol importanti.

Semma li kumpaniji qed jersqu lejn il-Kummissjoni u mhux lejn l-ETC fit-talbiet tagħhom biex jimpjegaw persuni b’diżabbiltà.

Appella lill-Gvern japplika mudelli Ewropej għal programmi u inizjattivi favur għarfien għall-persuni b’diżabbiltà biex dawn ukoll jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Semma proġett pilota fl-Ewropa għal dawk bil-kundizzjoni tal-awtiżmu u rrifera għal proġetti oħrajn li kienu jitħaddmu mill-ETC li twaqqfu.

Staqsa jekk il-Gvern għandux ikompli jinvesti fi programmi li ħallew ukoll impatt pożittiv, u awgura li dawn il-programmi jiddaħħlu wkoll fl-allokazzjoni tal-fondi tal-UE programmati sal-2020.

Twaqqfet l-iskema mħaddma mal-Kunsilli Lokali b’inċentivi li jimpjegaw persuni b’diżabbiltà
Robert Cutajar staqsa wkoll dwar u saħaq li din l-iskema twaqqfet meta kienet tnediet fl-2012. Staqsa kemm kienu l-persuni b’diżabbiltà li gawdew minn din l-iskema u minkejja l-wegħda elettorali li jsaħħaħ din l-iskema, minflok, fl-aħħar sentejn twaqqfet.

Appella għal sinerġija u inizjattivi u taħriġ għal persuni b’nuqqas intellettwali u saħaq li l-programm għandu jibqa’ jiġi msaħħaħ u jinfetaħ għal aktar studenti.