Lokali

X’qed jagħmel Alex Sciberras fl-inkjesta mmexxija minn missieru? – PN

Minflok ma ħa azzjoni biex iwaqqaf kunflitt ta’interess li ġie żvelat fl-inkjesta dwar l-Isptar Mater Dei, il-Gvern ħareġ jiddefendi l-kunflitt ta’ interess li ġie rrappurtat fil-media.

Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista qalet li skont dak li ġie rrappurtat fil-media, l-investigazzjoni mqabbda mill-Gvern dwar il-konkrit f’Mater Dei hija soġġetta għal kunflitt ta’ interess kbir. Dan għaliex min qed imexxiha, Philip Sciberras, jiġi missier is-Segretarju tal-Bord tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, Alex Sciberras.

L-Oppożizzjoni staqsiet jekk hux minnu li Alex Sciberras qiegħed saħansitra jipparteċipa fil-proċeduri tal-inkjesta u anke jistaqsi mistoqsijiet lix-xhieda li jidhru quddiem l-inkjesta.

Jekk dan jirriżulta, qal il-PN, allura jkollok każ ta’ kunflitt doppju. Għandek inkjesta mmexxija minn persuna li tiġi missier il-persuna li taħdem fil-Fondazzjoni li qed tiġi nvestigata, u għandek ukoll persuna li qed tmexxi l-Fondazzjoni investigata li qed tipparteċipa fl-istess inkjesta billi tagħmel mistoqsijiet lix-xhieda.

Dan il-kunflitt ta’ interess juri t-tbażwir li lest jidħol fih il-Gvern Laburista.

L-Oppożizzjoni tistenna li l-Gvern ma jħallix dan it-tbażwir għaddej u għal darba, jagħmel l-affarijiet bis-serjetà.