Lokali

150 akkademiku jikkundannaw l-għażla tas-sit fiż-Żonqor f’żona ODZ

Aktar minn 150 akkademiku – fosthom 120 membru tal-istaff akkademiku fl-Università ta’ Malta li jinkludu xejn inqas minn erbgħin professur – ingħaqdu u fi stqarrija konġunta li ħarġu, iffirmata minnhom kollha, ikkundannaw l-għażla tas-sit fiż-Żonqor f’zona ODZ mill-Gvern biex fuqu tinbena università ġdida minn kumpanija barranija.

Minbarra professuri u lekċerers fl-Università ta’ Malta, il-lista ta’ dawk li ffirmaw din l-istqarrija konġunta tinkludi wkoll akkademiċi mill-Junior College, il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) u l-Higher Secondary. Mal-istqarrija kienet ippubblikata l-lista sħiħa bl-ismijiet ta’ dawk li ffirmaw id-dikjarazzjoni, u l-istqarrija tgħid li l-lista mistennija tkompli titwal.

L-akkademiċi jgħidu li dwar il-proposta għall-bini tal-American University of Malta fl-inħawi taż-Żonqor f’Marsaskala jridu juru t-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas ta’ trasparenza fil-proċess u anke dwar in-nuqqas ta’studji meqjusa fl-għażla kemm tal-proġett innifsu kif ukoll tas-sit propost.

Huma ħeġġew ukoll lill-Gvern biex juri l-prudenza meħtieġa biex jisseddaq l-akbar ġid komuni dejjiemi, sew permezz tat-tisħiħ ta’ edukazzjoni ta’ kwalità imma wkoll bil-ħarsien tal-art li hija barra z-zoni tal-iżvilupp.