Il-kap ta’ kumpannija internazzjonali tal-informatika kien arrestat mill-Pulizija Pakistana minħabba bejgħ ta’ degrees minn universitajiet foloż minn fuq l-Internet.
Shoaib Sheikh, il-kap tal-Axact, flimkien mad-deputat tiegħu Waqas Atiq kienu arrestati wara rejds fuq l-uffiċini tal-kumpannija f’Karachi.
L-investigaturi qalu li issa kellhom biżżejjed provi biex jieħdu passi l-qorti kontra Sheikh fosthom fuq frodi u ħasil ta’ flus.
Ftit ġranet ilu, in-New York Times kixfet li l-Axact permezz ta’ diversi siti fuq l-Internet, kienet qed tagħmel frodi billi toffri korsijiet universitarji u degrees minn universitajiet li ma kienux jeżistu. Skont l-investigazzjoni tal-ġurnal Amerikan, il-kumpannija daħlet miljuni ta’ dollari minn dawn is-siti.
Hekk kif il-ġurnal Amerikan kien svela l-każ, Chaudhry Nisar Ali Khan, il-Ministru tal-Intern Pakistan ordna investigazzjoni.
Li kien qed jiġri kien li permezz ta’ siti ta’ universitajiet fitiżji, fuq paġament nies minn madwar id-dinja, kienu qed jingħataw degrees f’suġġett varji u f’xi każi kien jintqal li l-universita kellha l-approvazzjoni tad-Departiment tal-Istat Amerikan u saħansitra kienet titpoġġa firma falżifikata ta’ John Kerry, is-Segretarju tal-Istat Amerikan.
Arresti fil-Pakistan minħabba degrees foloż
