Lokali Parlament

Edukazzjoni u ħabs tassattiv fil-ġlieda kontra l-match fixing

Ma nistgħux nilludu ruħna li dan il-kankru f’Malta ma jeżistix

Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi appella għall-edukazzjoni li trid tibda mill-iskejjel fil-ġlieda ta’ pajjiżna kontra l-match fixing fl-isport u b’mod partikuari fil-futbol, fejn f’każi ta’ ħtija nsista u appella li jkun hemm piena tassattiva ta’ ħabs.

Dan kien il-messaġġ u l-appell tax-Shadow Minister Jason Azzopardi meta llejla fil-Parlament tkellem dwar dak li sejjaħ bħala kankru tas-soċjetà li nfirex mad-dinja kollha, u mhux anqas f’pajjiżna, fil-mod ta’ kif qed tinfirex dejjem aktar il-kriminalità organizzata li qed tolqot lill-isport u b’mod partikulari lil futbol internazzjonali.

L-edukazzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata jridu jimxu id f’id filwaqt li saħaq li l-pieni jridu jiħraxu aktar. Sejjaħ bħala dover tas-sistema edukattiva fl-iskejjel li tifforma liż-żgħażagħ b’kultura li ma nibżgħux niġġieldu l-ħażen.

Irrimarka li jekk fl-Italja hemm il-pjaga tal-match fixing, ma nistgħux nilludu ruħna li f’Malta ma jeżistix.

Sellem u radd ħajr lil Franz Tabone, l-integrity officer tal-MFA għal ġlieda bla heda tiegħu kontra din il-pjaga, li hija intimament marbuta mal-kriminalità organizzata.

Xogħol siewi mit-Task Force tal-MFA
Tkellem dwar il-ħidma li qed titmexxa mit-Task Force tal-MFA u li qed jieħu sehem fiha għan-nom tal-Oppożizzjoni flimkien mad-Deputat Nazzjonalista David Agius.

Semma li saru diġà diversi laqgħat, bis-sehem tal-Gvern, l-Oppożizzjoni, il-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni, il-Kunsill Malti għall-iSport, il-Pulizija, il-Kumitat Olimpiku Malti u l-MFA bl-għan ewlieni li jitnaddaf l-isport mis-saħta tat-tbagħbis tar-riżultati.

Rapport tal-Interpol jinkludi lil Malta
Fil-Parlament, Jason Azzopardi poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra dokument tal-Interpol dwar l-integrità fl-isport li ħareġ għall-perjodu bejn it-18 u l-24 ta’ Mejju dwar x’ġara fil-korruzzjoni fl-isport, f’liema rapport jissemma l-aħħar skandlu li nkixef fl-Italja b’implikazzjonijiet ta’ Maltin.

Dan ir-rapport juri, saħaq Jason Azzopardi, li Malta mhix ħielsa minn din il-kriminalità organizzata.

Il-kariga ta’ Blatter m’għadhiex aktar tenibbli
Ikkundanna wkoll it-tmexxija ta’ Sepp Blatter li taħt it-tmexxija ġab lill-FIFA f’pożizzjoni bla preċedenti quddiem ir-rapport ta’ investigazzjonijiet li ħareġ fl-aħħar sigħat b’rabta mad-deċżjoni tal-organizzazzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 u tal-2022, kif ukoll wara t-talbiet għall-arresti li saru mill-Istati Uniti ta’ seba’ uffiċjali tal-futbol fl-Iżvizzera li qed jiġu akkużati b’atti marbuta ma’ korruzzjoni b’valur li fuq nhedda ta’ 24 sena jlaħħqu 150 miljun dollaru Amerikan. Saħaq li l-kariga ta’ Blatter m’għadhiex aktar tenibbli.

Semma wkoll li fil-ġranet li ġejjin se tkun iffirmata dikjarazzjoni li se tkun il-fehma tat-TaskForce tal-MFA biex inkomplu b’saħħa niġġieldu l-korruzzjoni u l-kriminalità fl-isport.

Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi semma li l-ġlieda kontra l-match-fixing kienet ukoll tema li dwarha sar aċċenn qawwi b’messaġġi b’saħħithom fil-kommemorazzjoni li saret f’Palermo tal-Imħallef Sqalli maqtul mill-mafja fl-1992. It-tifkira saret is-Sibt b’kommemorazzjoni ta’ ħajjet Giovanni Falcone u ta’ sieħbu l-Imħallef Borsellino li kien inqatel xahrejn warajh.

Rikonoxximent lil dawk li jaqdu dmirhom mingħajr favuri jew kompromessi
Jason Azzopardi sellem lil dawk kollha f’pajjiżna li biex jaqdu dmirhom, jipperikolaw ħajjithom, speċjalment dawk li jagħmlu dan fis-skiet ‘il bogħod mill-attenzjoni u mill-applawsi; u lil dawk li jaqdu dmirhom ta’ kuljum b’mod kuxjenzjuż billi jirrifjutaw kull offerta illeċita ta’ avvanz, jew vantaġġ mhux xieraq.

Apprezzament ukoll lil dawk kollha li għandhom sens qawwi ta’ stat hekk li għalihom l-istat jiġi l-ewwel u qabel kollox, qabel kull affiljazzjoni, kull alleanza, kull simpatija u qabel kull preġudizzju; u lil dawk kollha li għalihom l-unformi hi sagrosanta, iħobbu u jgħożżuha u jbatu biex ma jtebbgħuhiex.

Sellem ukoll lil dawk kollha li jistinkaw biex f’pajjiżna jkun hawn is-saltna tad-dritt, u mhux is-saltna ta’ min hu l-aqwa jħawwel, jew ta’ min hu ħabib tan-nies fis-setgħa.
Jason Azzopardi sellem ukoll lil dawk li jeżerċitaw dmirhom skont il-liġi, mingħajr biża’ jew favur; lil dawk li mhux lesti la jilagħqu u lanqas jinxtraw; lil dawk li mhux lesti jisktu kontra l-ħażen u l-korruzzjoni.

Irrikonoxxa wkoll lil dawk li għalihom tassew il-kariga hija għodda ġenwina kif huma jservu lill-istat, u lil dawk kollha li jaraw fi dmirhom, inkluż ġurnalisti, mod kif jikxu l-ħażen biex toħroġ il-verità.

Irrimarka wkoll ix-xogħol importanti u onest tal-uffiċjali pubbliċi, lil dawk li l-unur tagħhom mhuwiex għall-bejgħ; u lil dawk li għalihom it-tajjeb għandu jibqa’ tajjeb u l-ħażin jibqa’ ħażin, u mhux bil-kontra ta’ kif uħud qed jagħmlu.