F’sitt snin, Malta naqqset l-inċidenti rrappurtati fuq il-post tax-xogħol bi 2%. Din iċ-ċifra hi aħjar minn ta’ ħafna pajjiżi oħra fl-UE li huma meqjusa li għandhom iktar saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol minn Malta.
L-awtorità Maltija għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (OHSA) qalet dan fi stqarrija meta spjegat li bejn l-2007 u l-2013, Malta naqqset ir-rata ta’ inċidenti rrappurtati fuq il-post tax-xogħol minn 3.5% għal 1.5%. Dan joħroġ minn ċifri ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea f’Lussembrugu iktar kmieni dan ix-xahar.
L-OHSA qalet ukoll li Malta kellha tnaqqis ukoll fi problemi tas-saħħa marbuta mal-post tax-xogħol u l-pajjiż ġie fil-ħames post minn fost 33 pajjiż.
Malta kellha titjib sostanzjali wkoll f’dik li hi l-pressjoni li l-ħaddiema jħossu kontra l-ħin jew il-kwantità ta’ xogħol, minn 25% għal 13% fl-istess seba’ snin biex il-pajjiż issa jinsab fit-tielet post minn fost 28 pajjiż.
Dr Mark Gauci, il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, qal li l-awtorità hi kuntenta ħafna bit-titjib sostanzjali ta’ Malta f’dan il-qasam u dan juri li l-isforzi tagħha qed iħallu l-frott. Dan ukoll ifisser, sostna, li l-ħaddiema f’Malta għandhom ambjent u kwalità tal-ħajja aħjar fuq il-post tax-xogħol.
//= $special ?>