Il-Forum Professjonisti tal-Partit Nazzjonalista jinnota bi preokkupazzjoni l-aħħar żviluppi f’dan il-qasam rigward il-proposti tal-Gvern li jistitwixxi Università ġdida fin-Nofsinhar ta’ Malta fuq medda ta’ art ODZ kif ukoll li jirrevedi l-kriterji li jiddeterminaw l-istandards tal-Edukazzjoni f’Pajjiżna f’livell universitarju.
Dan il-Forum jiddeplora d-deċiżjoni tal-Gvern li jaqbad u jiddeċiedi waħdu u mingħajr konsultazzjoni mal-partijiet kollha konċernati u kompetenti f’oqsma daqshekk sensittivi u delikati bħalma huma l-istandards tal-Edukazzjoni f’Pajjiżna u l-ħarsien tal-ambjent u tal-wirt naturali ta’ Malta.
B’riferiment għall-avviż legali 150 tal-2015, il-Forum Professjonisti tal-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-aġir irresponsabbli tal-Gvern li bih jista’ jxekkel u jikkomprometti serjament il-livell tal-Edukazzjoni terzjarja b’mod li jitbaxxew l-istandards u l-valur kemm tal-istudji kif ukoll tal-gradi universitarji. Is-Sottokumitat għall-Edukazzjoni fi ħdan il-Forum Professjonisti tal-Partit Nazzjonalista josserva li skont dan l-avviż legali, il-Gvern qiegħed jipproponi li jitbaxxew il-kriterji tal-istandards rikjesti sabiex applikant ikun jista’ jikseb liċenzja biex jopera f’Malta bħala Università.
Dan il-Forum jistaqsi jekk id-deċiżjoni tal-Gvern hiex marbuta mal-ħtiega ta’ iktar kompetizzjoni u f’dak il-każ, xi prezz irid jitħallas. Jekk din id-deċiżjoni hija marbuta mal-ħtiega li jkun hemm strutturi differenti, għaliex ma tkunx provduta kategorija differenti bħal dik ta’ Istituzzjonijiet speċjalizzati? U għaliex il-Gvern irid iżomm il-poter li jiddeċiedi waħdu, meta u kif jista’ jiddikjara entità partikolari bħala Università fuq il-bażi tal-hekk imsejjaħ interess nazzjonali?
Il-Forum Professjonisti tal-Partit Nazzjonalista jissottolinea l-fatt li dan l-proġett tal-Gvern jirrappreżenta inizjattiva nieqsa minn kull ippjanar serju u li tinjora l-vera ħtieġijiet essenzjali fil-qasam tal-Edukazzjoni.
Għaldaqstant, il-Forum jappella bil-qawwa kollha lill-Gvern biex qabel ma jieħu deċiżjonijiet mgħaġġla u b’mod unilaterali, jirrifletti dwar l-implikazzjonijiet kollha tal-pjanijiet tiegħu f’dan il-qasam.
Dan l-istess Forum jeżorta lill-Gvern biex jwaqqaf minnufih il-pjanijiet tiegħu f’dan is-settur ħalli jkun jista’ jiftaħ diskussjonijiet kostruttivi mal-istakeholders kollha għall-ġid komuni in ġenerali u għall-ġid tal-oqsma tal-Edukazzjoni u tal-ħarsien tal-Ambjent in partikolari.
//= $special ?>