Lokali

Il-ftehim bejn l-FMS u Skanska bil-‘waiver’ qatt ma tela’ quddiem il-Kabinett – Lawrence Gonzi

L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi stqarr li fl-2009 il-Kabinett qatt ma kien mgħarraf bil-waiver li ġie ffirmat bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) u l-kumpanija Skanska. F’kummenti lill-ġurnali lokali, Gonzi sostna li jekk kien hemm waiver, dan qatt ma ġie approvat mill-Kabinett.

Skont dak li sar magħruf fl-aħħar ġimgħat, jirriżulta li fl-2009 kien intlaħaq ftehim bejn Skanska u l-FMS, li permezz tiegħu l-kumpanija Żvediża waqqgħet it-talba għal €23 miljun fi ħlasijiet dovuti mill-FMS u ta’ dan, Skanska nħallet minn kull obligazzjoni futura. Gonzi qal li tkellem ma’ numru ta’ eks Ministri dwar dan il-famuż waiver u, sa fejn jiftakar hu, din il-klawsola fil-kuntratt aħħari qatt ma ġiet għall-approvazzjoni tal-Kabinett.

L-eks Prim Ministru nsista li hu żgur qatt ma kien jaqbel ma’ waiver, li jkun daqstant estensiv u li jkopri kollox. Il-ġurnal The Times of Malta ħa l-kummenti ta’ John Dalli, li fl-2009 kien Ministru tas-Saħħa. Hu sostna li m’għandux kopja tal-kuntratt li ssemma’ fl-inkjesta tal-Gvern. Dan il-ftehim bejn l-FMS u Skanska, bil-klawsola tal-waiver, għadu ma ġiex ippubblikat mill-Gvern.

Sadanittant, Bastjan Dalli, li jiġi ħu John Dalli, qed jinsisti li waqt il-bini tal-Isptar Mater Dei il-kumpanija tiegħu ssuplixxiet biss parti żgħira tal-konkrit.