Għawdex Lokali Qorti

Il-Kap tal-Oppożizzjoni iressaq Protest Ġudizzjarju kontra Joe Cauchi

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil illum ressaq Protest Ġudizzjarju fil-konfront ta’ Joe Cauchi, il-Whistleblower li lbieraħ xehed fil-Qorti ta’ Għawdex. Dan wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni sostna ċ-ċaħda tiegħu għax-xhieda inveritiera li ta Cauchi.

Fi stqarrija, Simon Busuttil reġa’ sostna li fil-laqgħa miegħu f’Ġunju 2013, Joe Cauchi kien ilmenta li l-Ministeru għal Għawdex kien għad kellu jtih xi flus u beda jinkwieta li mal-bdil fil-Gvern, flusu ma jingħatawx lura.

Għal dan, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien wieġeb li ma jarax għalfejn ftehim finanzjarju ma jinżammx wara bidla fil-Gvern. Madankollu, fil-laqgħa qatt ma ssemma’ “xogħol għal voti”. Fil-protest, Simon Busuttil jiċħad li kien staqsa lil Cauchi għaliex kompla jaħdem xogħol li kien qabbdu Anthony Debono meta kien jaf li l-Partit Nazzjonalista se jitlef l-elezzjoni. Sostna li jekk Cauchi gideb bil-ġurament, għandu jitneħħa mill-protezzjoni tal-Whistleblower.

Min-naħa l-oħra, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jekk kien hemm xi ħadd li kien jaf b’dawn l-allegazzjonijiet kienu Joseph Muscat u Anton Refalo. Filwaqt li l-Prim Ministru żgur kien jaf għax tkellem mal-media dwar dan ftit qabel l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, il-Ministru Refalo ilu jaf dwar dan mill-anqas mis-Sajf li għadda.

SB Protest Gudizzjarju Joe Cauchi 270515