Il-Partit Nazzjonalista, b’reazzjoni għall-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-rilokazzjoni ta’ immigranti fl-Italja u fil-Greċja, qal li waqt li jirrikonoxxi li din hi reazzjoni ta’ emerġenza, kien jippreferi kieku Malta, biċ-ċirkustanzi speċifiċi u uniċi tagħha, kienet inkluża maż-żewġ pajjiżi l-oħra.
Il-PN irrikonoxxa li l-immigrazzjoni toffri sfida lill-Ewropa kollha u għalhekk teħtieġ tweġiba Ewropea minn kull pajjiż membru li jaħdem f’solidarjetà. Spjega li din kienet biss l-ewwel azzjoni u għandha tiġi segwita minn sistema permanenti li mistennija tiġi proposta iktar tard din is-sena.
L-istqarrija tal-PN kienet iffirmata mill-Viċi-Kap tal-PN Beppe Fenech Adami u Shadow Minister għall-Intern, minn Francis Zammit Dimech, Kelliem għall-Immigrazzjoni, u mill-Ewroparlamentari Roberta Metsola, Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.
Il-PN qal li jinnota b’soddisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li f’każ li Malta tesperjenza influss f’daqqa ta’ immigranti, is-sistema ta’ rilokazzjoni tintuża wkoll għal Malta. Il-kelliema qalu li l-PN ilu jargumenta dan waqt li jisħaq li għandhom jiddaħħlu miżuri oħra biex issir riforma sħiħa fir-regoli tal-UE dwar l-immigrazzjoni u l-ażil biex pajjiżi fil-Mediterran ma jibqgħux iġorru responsabiltà sproporzjonata ladarba jsalvaw nies mill-baħar.
Il-PN qal li l-ballun issa hu f’saqajn il-Prim Ministru li jeħtieġ li jħares l-interessi ta’ Malta biex ikun hemm riżultati tanġibbli għall-pajjiż. Il-kelliema qalu li bl-istess mod, jistennew li kull pajjiż membru jaġixxi b’solidarjetà u jerfa’ r-responsabiltajiet tiegħu.
Iktar kmieni, il-Partit Popolari Ewropew appella lill-Ministri tal-Intern tat-28 pajjiż tal-UE biex jieħdu deċiżjoni malajr dwar il-proposti dwar l-immigrazzjoni kif imressqa mill-Kummissjoni Ewropea llum.
Monika Holhmeier, il-koordinatriċi tal-grupp għall-Kumitat tal-Intern, qalet li l-mekkaniżmu ta’ solidarjetà għat-tqassim ta’ refuġjati hu pass fid-direzzjoni t-tajba. Ikkritikat ir-rata tal-persentaġġ li għandhom jieħdu xi pajjiżi u qalet li din hi baxxa ħafna għal pajjiżi bħall-Ġermanja u l-Iżvezja waqt li appellat li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni wkoll ir-refuġjati li jaqsmu b’mod legali minn pajjiż tal-UE għal ieħor.
//= $special ?>