Ekonomija Kultura Lokali

Jiċċelebraw 150 sena ta’ suċċess

P. Cutajar & Co. Ltd., waħda mill-akbar kumpaniji tal-familja f’Malta, iċċelebrat il-150 sena anniversarju minn meta tnediet il-kumpanija, qalb xeni spettakolari tal-Port il-Kbir.

Aktar minn 400 persuna kienu preżenti għaċ-ċelebrazzjoniji ta’ nhar is-Sibt. Fost dawk li attendew kienu klijenti, ħaddiema tal-passat, impjegati preżenti, kif ukoll fornituri minn ditti rinomati bħal Ferrero, Lavazza, Pasqua, Bersano u Martini Group.

“Meta bdejna fl-1865, it-telefon kienu għadu lanqas biss jeżisti u Thomas Edison kien għadu qed jistinka biex jivvinta l-bozza tad-dawl! Illum il-ġurnata, P. Cutajar waslet fil-ħames ġenerazzjoni u għadha qed tikseb suċċess. Aħna grati lejn dawk in-nies kollha li b’xi mod jew ieħor urewna fiduċja tagħhom tul dawn is-snin kollha. Grazzi talli kontu parti mill-istorja tagħna u grazzi talli ħa tkunu parti mill-futur tagħna,” qal Denis Zammit Cutajar, il-Kap Eżekuttiv ta’ P. Cutajar & Co. Ltd.

Wara 150 sena, P. Cutajar tibqa’ waħda mill-aktar kumpaniji li kisbet suċċess f’Malta. Qed tikkommemora din il-ġrajja importanti bit-tnedija tal-fondazzjoni independenti, The P. Cutajar & Co. Foundation, li qed tilqa’ il-proposti u l-ideat tal-publiku għal inizjattivi kulturali u oqsma ta’ karità differenti.

L-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca, il-President ta’ Malta, li ukoll kienet preżenti qalet: “Mija u ħamsin sena ta’ suċċess huwa tassew avveniment kbir għal P. Cutajar & Co. Ltd. Dak li Paul Cutajar beda s-seklu li għadda, tibqa’ sal-lum il-ġurnata waħda mill-akbar stejjer ta’ suċċessi ekonomiċi ta’ pajjiżna. Nawgura lil P. Cutajar & Co. Ltd. il-kisba ta’ aktar suċċessi fis-snin li ġejjin.”

Paul Cutajar beda jopera propju minn uffiċju ġol-Belt Valletta fl-1865. Illum il-ġurnata, il-kumpanija hija waħda mill-akbar importaturi u distributuri ta’ nbejjed, xorb alkoħoliku u ikel ta’ ditti rinomati Dewar’s, Martini, Ferrero, Lavazza, Häagen-Dazs, Olly’s Premium Eats, Coccinelle u Solaris.

Għal aktar tagħrif dwar il-kumpanija, żur is-sit www.pcutajar.com.mt.