Lokali Parlament

Jinkixef dak li nżamm sigriet fil-Bord ta’ Inkjesta maħtur mill-Gvern dwar Mater Dei

Il-Ministru Konrad Mizzi llejla nfexx f’attakki u tgħajjir fil-konfront tal-membri tal-Oppożizzjoni wara mistoqsija li ntalab iwieġeb mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, u li kixfet li l-Viċi Sindku Laburista tal-Imsida, persuna mhux indipendenti fl-inkjesta li ġiet appuntata dwar il-materjal użat fil-bini tal-Isptar Mater Dei, qed jagħti pariri legali lil-Bord stess ta’ inkjesta li hu mmexxi minn missieru, l-Imħallef Philip Sciberras.

Din l-informazzjoni li l-Gvern żamm sigriet, inkixfet f’dibattitu fil-Parlament waqt il-ħin tal-mistoqsijiet meta l-Kap tal-Oppożizzjoni għamel mistoqsija sempliċi u ċara lill-Minstru Konrad Mizzi biex jgħid xi rwol għandu Alex Sciberras fil-Bord ta’ inkjesta li ħatar il-Gvern dwar l-Isptar Mater Dei.

Għal mistoqsija oħra mill-Kap tal-Oppożizzjoni dwar jekk Alex Sciberras kienx preżenti fis-seduta tal-Bord tal-Inkjesta, il-Ministru Konrad Mizzi wieġeb li kienet l-inkjesta, immexxija mill-Imħallef Philip Sciberras, li talbet għal għajnuna legali u ta’ analiżi dettaljata u ħatret lit-tifel taċ-Chairman tal-Bord ta’ Inkjesta, lil Alex Sciberras, biex jgħin fl-inkjesta.

It-tweġiba tal-Ministru Konrad Mizzi tikkonferma dak li żvelat In-Nazzjon fil-jiem li għaddew li hemm kunflitt ta’ interess fit-tmexxija ta’ dan il-Bord ta’ Inkjesta b’rabta mal-materjal użat għall-bini tal-Isptar Mater Dei.

Alex Sciberras, li għall-Gvern hu persuna indipendenti, hu ekskandidat tal-Patit Laburista, kien Sindku Laburista tal-Imsida u llum hu Viċi Sindku Laburista. Minbarra dan, Alex Sciberras kien serva wkoll bħala Segretarju tal-Bord tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, li kienet responsabbli mill-bini tal-Isptar Mater Dei.

F’reazzjoni għall-mistoqsija sempliċi li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Ministru Konrad Mizzi, li l-mara tiegħu qed titħallas €13,000 fix-xahar, infexx f’tagħjir u nsulti fil-konfront tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil tant li l-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia waqfu biex ma jirrepetix dak li kien diġà qal tliet darbiet, u biex jieqaf jgħajjat għaliex il-microphone kien mitfi.