Kull Gvern, hu ta’ liema partit politiku hu, irid jassisti lil-lukandiera u lil dawk li jaħdmu fis-suq tat-Turiżmu għax mit-Turiżmu jiekol kulħadd. Qal dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara fil-lukanda Dolmen ta’ Buġibba, li fix-xhur tas-Sajf tħaddem bejn 300 u 350 ħaddiem.
Iż-żjara kienet organizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Robert Arrigo f’lukanda li fuq kollox tispikka fiha s-sens ta’ familja fost il-ħaddiema li ilhom hemm fiha għal snin twal. Wara żjara f’diversi żoni tal-lukanda, spikkat il-laqgħa informali li Simon Busuttil kellu mal-ħaddiema, li min-naħa tagħhom ingħataw l-opportunità jistaqsu dak kollu li xtaqu dwar l-ideat tal-Oppożizzjoni fost l-oħrajn għas-settur turistiku.
Il-mistoqsijiet tal-ħaddiema ffukaw l-aktar fuq sfidi li jiffaċċjaw, mhux biss huma, iżda wkoll it-turisti li jiġu Malta, bħal pereżempju t-traffiku. Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppozizzjoni qal li din il-problema trid tiġi ndirizzata immedjatament, anke billi jiġu esplorati metodi alternattivi ta’ trasport. Issemmew ukoll problemi oħrajn li jaffrontaw postijiet turistiċi, fosthom l-indafa, il-manutenzjoni ta’ toroq u l-bankini, bil-Kap tal-Oppożizzjoni jappella lill-Gvern biex jappoġġja lill-Kunsilli Lokali minflok inaqqsilhom il-fondi, kif fil-fatt għamel.
Matul il-laqgħa mal-ħaddiema, kien hemm ukoll mumenti ħelwin, bil-ħaddiema jitkellmu wkoll dwar il-ħajja privata ta’ politiku, b’mod partikolari ta’ Kap tal-Oppożizzjoni. Simon Busuttil semma’ b’diżappunt li sfortunatament, f’Malta għandek min idawwar wiċċu meta jara politiku li ma jaqbilx miegħu. Madankollu, appella li fil-qasam tat-Turiżmu m’għandux ikun hemm kuluri politiċi.
Preżenti għal din iż-żjara, kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Antoine Borg. F’kummenti lil MaltaRightNow.com, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Robert Arrigo spjega li din iż-żjara hi xhieda ta’ Oppożizzjoni li trid tuża’ sew iż–żmien tagħha fl-Oppożizzjoni.
//= $special ?>