Ambjent Lokali

“L-Universita’ fuq art verġni se tkun pass lura għall-pajjiżna”

Jekk il-Gvern Laburista jibni l-Universita’ ġdida fiż-żona Taż-Żonqor, dan se jkun qed ifisser pass lura għall-pajjiżna u mhux pass ‘il quddiem.

Simon Busuttil sostna dan waqt il-programm Iswed fuq l-Abjad, fuq NET TV, ippreżentat mill-Avukat Frank Psaila, li matulu tkellem dwar diversi aspetti ta’ dan il-proġett li qed jinkwetaw lil eluf ta’ Maltin u Għawdxin.

Tkellem dwar l-impatt ambjentali ta’ dan il-proġett, li qiegħed fuq fomm kulħadd u qal li l-Partit Nazzjonalista mhux se jaċċetta li din iż-żona tintmess u li Joseph Muscat għandu jkun iktar matur fil-mod kif iħaddem il-politika tiegħu.

Matul il-programm, Simon Busuttil tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ iktar trasparenza, b’referenza għal mod kif il-Gvern Laburista qed jimxi fuq diversi proġetti, inkluż dak tal-Universita’. Tenna wkoll l-għan tiegħu: li jqanqal iktar fiduċja fil-politiċi bl-eżempju u mhux biss bil-kliem.

Fit-tieni parti tal-programm, kienu mistiedna wkoll l-eks Ċermen tal-Alternattiva Demokratika Michael Briguglio u Simon Mercieca, li tkellmu dwar il-moviment li twaqqaf kontra l-bini tal-Universita’ f’art verġni.

Huma qalu li dan il-proġett qed iqanqal reazzjoni qawwija ħafna kontrieh minħabba l-post fejn se jinbena, bi Briguglio jtenni li l-Gvern ta’ Joseph Muscat qed imur kontra l-weghdiet tiegħu.

Huwa tenna li, bil-pożizzjoni li qed jieħu, Simon Busuttil qed juri sinjal pożittiv fil-mod kif il-Partit Nazzjonalista iħares lejn l-ambjent.