Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret sensiela ta’ miżuri biex tipprova ssib tarf l-immigrazzjoni fil-Mediterran.
Fost l-inizjattivi mħabbra minn Dimitris Avramopoulos, il-Kummissarju għall-Immigrazzjoni (ritratt), hu mekkaniżmu ta’ emerġenza biex tingħata għajnuna lill-Italja u lill-Greċja minħabba l-ammont kbir ta’immigranti li qed jidħlu f’pajjiżhom kif ukoll biex titkabbar il-ħidma tal-Frontex fil-Mediterran.
Il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni li titlob lill-pajjiżi membri biex jaċċettaw total ta’40,000 persuna minn barra l-Unjoni Ewropea u li jkun ċar li għandhom bżonn protezzjoni skont l-UNHCR, tul perjodu ta’ sentejn.
Dawk il-pajjiżi li jieħdu sehem f’din l-iskema jkunu intitolati għal għajnuna finanzjarja b’50 miljun ikunu allokati għall-ewwel sena. Issa l-pajjiżi membri jridu jagħtu t-tweġiba tagħhom sa Settembru .
Il-pajjiżi membri kollha tal-UE jridu jipparteċipaw bl-esklużjoni tal-Italja u l-Greċja minħabba l-ammont kbir ta’ immigranti li diġa għandhom. Dan apparti r-Renju Unit, id-Danimarka u l-Irlanda, minħabba t-trattati li ffirmaw.
Proposti oħra jinkludu pjan ta’ azzjoni kontra t-traffikar tal-immigranti, linji gwida fuq kif jittieħdu l-marki tas-swaba u kampanja ta’ konsultazzjoni pubblika.
Il-pjan ta’ azzjoni jinkludi li titfassal lista ta’ bastimenti suspettużi kif ukoll mezzi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji.
Sadattant, il-Partit Nazzjonalsita fi stqarrija qal li għalkemm jekk ikun hemm bżonn il-mekkaniżmu ta’ emerġenza kien se japplika għal Malta wkoll, kien jippreferi kienu Malta kienet inkluża mal-Italja u l-Greċja mill-bidu. Il-Partit Nazzjonalista fakkar li kien ilu żmien twil jinsisti li l-piż talimmigranti li jidħlu, jitqassam mal-bqija tal-UE. Intqal ukoll li issa kien imiss lill-Prim Ministru Malti li jħares l-interessi tal-pajjiż fl-Unjoni Ewropea u jikseb r-iżultati tanġibli għal Malta. Dan bl-istess mod li jsitenna li l-bqija tal-pajjiżi membri jaġixxu f’solidarjeta u jwettqu r-responsabiltajiet mistennija minnhom.
Il-PPE, fi stqarrija appellat lill-Ministri tal-Intern biex jieħdu azzjoni ta’ malajr fuq dawn il-proposti.
Roberta Metsola, il-Membru Parlamentari Maltija u d-Deputat Koordinatur tal-Kumitat tal-Intern, il-Libertajiet Ċivili u l-Ġustizzja tal-PPE, qalet li dawn il-proposti kienu tweġiba ta’ emerġenza għal sitwazzjoni ta’ emerġenza fl-Italja u l-Greċja. Dan apparti għarfien li din kienet problema Ewropea li kellha bżonn tweġiba Ewropea minn kull pajjiż membru.
L-UNJONI EWROPEA: Sensiela ta’ miżuri minħabba l-kriżi tal-immigrazzjoni
