Lokali

Ma joqgħodx fil-letter box? Għaffeġ xorta!

Letter box imkissra, ġojjellerija mgħaffġa, keyboard imkissra, pakketti nofshom barra mil-letter box u oħrajn mixħutin fl-art quddiem il-bieb tar-residenza fi Triq l-Esperanto, l-Imsida.

Dawn huma biss ftit mir-ritratti li rċieva dan is-sit fl-aħħar sigħat u li juru sitwazzjonijiet xejn pjaċevoli li ħabbat wiċċu magħhom raġel li spiċċa kellu jibgħat email mhux biss lill-MaltaPost imma wkoll lill-uffiċċju tal-Prim Ministru, lill-European Customer Care kif ukoll lill-media.

Fl-email, il-klijent jispjega kif għall-aħħar ġimgħat u xhur bagħat sensiela ta’ emails lill-MaltaPost fejn ilmenta minn ittri u pakketti mitlufa, imkissra jew mgħaffġa, kif ukoll imqassma għand il-ġirien jew saħansitra mitfuha fl-art.

Ir-raġel saħansitra qed jallega li l-pustier kissirlu l-letter box meta kien qed jipprova jdeffes pakkett li ma joqgħodx u minflok żgassa l-bieba tal-letter box. Il-pustier ċaħad dan l-aġir u għalhekk il-kumpanija għalqet il-każ.

F’każ minnhom, l-istess persuna sab ittra importanti wara xahrejn, hekk kif barrani li joqgħod fl-istess blokka bini tiegħu, ġabarha mill-art.

Intant f’reazzjoni għal din l-istorja, MaltaPols p.l.c wieġbet li r-rapport ta’ keyboard nofsha mdaħħla fil-letterbox tar-raġel li għamel ir-rapport qatt ma nstab imniżżel fir-rekords ta’ deliveries tal-kumpanija. Dan allura jindika li ma kinitx il-kumpanija MaltaPost li wasslet din il-posta.

Fil-każ tal-ġojjellerija, minn stħarriġ tal-MaltaPost instab li l-pakkett kien ta’ daqs tajjeb biex jidħol fil-letterbox u l-klijent naqas li jagħti prova li tixhed mod ieħor.

L-istess kumpanija stqarret ukoll li l-ħsara li setgħet saret fil-letterbox ma tistax tiġi attribwita lill-MaltaPost anke’ għaliex din tinsab f’post aċċessibbli għal kulħadd u allura l-ħsara setgħet saret minn kwalunkwe’ persuna.