Lokali

Maturità, responsabbiltà u vijabbiltà – il-PN b’ħames proposti dwar l-Air Malta

Pajjiżna għandu quddiemu test importanti ta’ kemm aħna kollettivament kapaċi nqumu għall-okkażjoni u ndawru sfida iebsa f’opportunità ekonomika, li tgħaqqad il-forzi politiċi u ekonomiċi kollha f’konverġenza waħda. Dan ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech, mill-Kelliem għat-Turiżmu Antoine Borg u mill-Kelliem għall-Amministrazzjoni Pubblika u l-Investimenti tal-Gvern Ċensu Galea, li matulha kienet spjegata l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-Air Malta.

Il-kelliema spjegaw li l-Partit Nazzjonalista qed jibni l-pożizzjoni tiegħu dwar il-linja nazzjonali tal-ajru fuq is-sisien ta’ tlett prinċipji bażiċi imma essenzjali: li l-Air Malta hi l-unika linja tal-ajru nazzjonali ta’ pajjiżna b’missjoni strateġika fis-settur turistiku u fix-xenarju ekonomiku aktar wiesgħa ta’ pajjiżna; li l-politika futura tal-Air Malta għandha titpoġġa fuq sisien dejjiema u mhux li jvarjaw minn leġiżlatura għall-oħra; u li fi sfond ta’ kompetizzjoni inevitabbli li trid tiffaċja anke f’pajjiżna, l-operat tal-Air Malta jrid jinbena fuq kunsiderazzjonijiet esklussivament kummerċjali.

Tfakkar li f’leġiżlaturi preċedenti, Gvernijiet Nazzjonalisti saħqu dwar l-importanza u l-urġenza tar-ristrutturar. Fost oħrajn, fl-2004 Gvern Nazzjonalista kien investa kapital ta’ €60 miljun, filwaqt li wettaq ukoll programm ta’ ristrutturar li ġab flimkien il-partijiet kollha nvoluti. Sitt snin wara, Gvern Nazzjonalista kien irnexxielu jikseb l-awtorizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea biex jipprovdi capital injection ta’ €130 miljun f’investiment addizjonali.

Minkejja l-attitudni tal-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni, li dejjem kienet tkun kontra dak li kien qed jipprova jagħmel il-Gvern, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mhix se tkun opportunista dwar din il-materja tant sensittiva. Il-kelliema qalu li anke dwar l-Air Malta, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se taħdem b’maturità u responsabbiltà, b’konsistenza mal-ħidma ta’ amministrazzjonijiet preċedenti biex l-Air Malta tibqa’ taqdi funzjoni ċentrali fis-settur tat-turiżmu ta’ pajjiżna.

Fl-isfond ta’ dawn l-isfidi, fil-konferenza tal-aħbarijiet kienu ppreżentati ħames proposti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista. Dawn jinkludu kontroll kompatibbli mal-interess strateġiku nazzjonali, rwol definit u distint, tisħiħ tal-flotta biex ikollna linja nazzjonali rilevanti, alleanzi strateġiċi u patt azjendali ġdid.

Il-Partit Nazzjonalista jappella biex l-eżiġenza tar-ristrutturar ma twassalx biex jintesa’ l-element uman jew li titnaqqar id-dinjità tal-ħaddiema. Dan hekk kif is-salvagwardja tal-impjiegi u l-preżervazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol raġjonevoli u mhux abbużivi m’għandhomx ikunu mittiefsa.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li fl-isfond tal-pożizzjoni matura u responsabbli li qed tieħu l-Oppożizzjoni, din ir-rieda tajba tkun kumplimentata mill-aġir tal-Gvern u tat-tmexxija tal-kumpanija, li ma tippermettix li l-Air Malta ssir każin partiġġjan intiż biex jaqdi interessi li żgur mhumiex kummerċjali.