Il-Gvern ilu jaf bl-allegazzjonijiet dwar xogħol fil-privat f’Għawdex minn Settembru li għadda
Skont id-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela, l-istandards politiċi jitolbu li kif politiku jsir jaf b’xi ħażina li seħħet jew għadha qed isseħħ, għandu jirrapporta mill-ewwel lill-Pulizija.
Iżda meta mistoqsi minn MaltaRightNow.com kif il-każi ta’ xogħol fil-privat f’Għawdex minn Ħaddiema tal-Gvern ġie żvelat biss lejliet l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali ta’ April li għadda, minkejja li l-Whistleblower Joe Cauchi stqarr li tkellem mal-Gvern għall-ewwel darba f’Settembru, id-Deputat Mexxej Laburista wieġeb li każ bħal dan jieħu fit-tul u u kumbinazzjoni l-proċess tlesta lejliet l-elezzjoni.
Toni Abela dawwar l-argument billi attakka lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għax, skont hu, kien jaf bil-każi ta’ xogħol fil-privat f’Għawdex minn Ħaddiema tal-Gvern. Sostna li Simon Busuttil kellu jirrapporta immedjatament. U hekk kif il-Partit Laburista organizza t-tieni konferenza tal-aħbarijiet dwar l-istess suġġett fi ftit sigħat, Toni Abela kien mistoqsi dwar il-pass li jmiss. Madankollu, hu rrisponda biss “Issa naraw”.
Id-Deputat Mexxej Laburista attakka lill-Kap tal-Oppożizzjoni wkoll għax qal li għaddiet ġurnata mix-xhieda ta’ Cauchi, iżda skont hu jispikka s-silenzju tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Dan meta l-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista saret propju dwar l-istqarrija ta’ Simon Busuttil, li fiha tenna dak li xehed Joe Cauchi fil-Qorti, jiġifieri li qatt ma’ tkellmu bejniethom dwar xogħol fil-privat għall-voti.
Anke f’din il-konferenza tal-aħbarijiet, fl-ebda ħin baqa’ ma ssemma’ x-xogħol li sar fil-privat wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, meta l-Ministeru għal Għawdex għadda f’idejn Anton Refalo.
//= $special ?>