Lokali Parlament

Aktar tkeċċijiet u kundizzjonijiet anqas fl-Air Malta?

L-Air Malta qed tgħix bix-xnigħat biss

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo talab lill-Gvern jgħid hux veru li f’Settembru se jonqsu l-pagi u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-Air Malta u jekk hux se jkun hemm aktar tkeċċijiet ta’ Maltin.

Meta tkellem fil-Parlament fid-dibattitu dwar l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu (MTA), id-Deputat Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni għan-Negozji Żgħar, Manifattura, Kummerċ, Self-Employed u Koperattivi, tkellem dwar is-sitwazzjoni fl-Air Malta u qal li minkejja li fil-Parlament intqal li ma tkeċċewx nies, twaqqfu tliet persuni mis-Sales and Marketing fl-Air Malta u daħlet barranija taħdem fil-kumpanija.

Semma wkoll li kien hemm ħaddiema oħra li kienu ilhom 25 u 30 sena fl-Air Malta u ngħataw tliet xhur notice biex dawn ma jirfsux aktar lejn l-Air Malta.

Ikkritika lill-Gvern li llum l-Air Malta qed tgħix bix-xnigħat biss u wara dawn is-sentejn kien jistenna li ma niġux f’sitwazzjoni ta’ kumpanija fix-xifer. Staqsa jekk hux veru li f’Settembru se jonqsu l-pagi u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u jekk hux se jkun hemm aktar tkeċċijiet ta’ Maltin.

X’se jiġri mill-€1 miljun li l-Air Malta qalet li se tiffranka?
Sema’ li llum, il-kumpanija li kellha tassorbi lill-ħaddiema part-timers b’kundizzjoni u pagi inqas, sirna nafu li l-kumpanija privata tbiddlet u l-Air Malta issa se żżomm il-ħaddiema fuq il-kotba tagħha. Quddiem dak li kien intqal li minn dan l-eżerċizzju l-Air Malta kienet se tiffranka miljun ewro, stqasa jekk dan l-iffrankar issa spiċċax.

Talab li tingħata l-informazzjoni dwar ir-rotot il-ġodda għall-2016 u qal li jinsab infurmat li għal Bordeaux se jkun hemm titjira oħra fl-2016 u staqsa jekk din hix l-unika rotta ġdida li se ssir.

Issuġġerixxa li nħarsu wkoll lejn is-suq Ġermaniż fejn m’hemmx kumpaniji low cost jaħdmu lejn pajjiżna, u fejn hemm bliet fejn l-Air Malta għandha isem tajjeb. Saħaq li l-MTA u l-Air Malta bilfors iridu jaħdmu flimkien għax qal li flimkien iridu jħarsu ‘l quddiem fi triq proattiva. Saħaq li l-Air Malta hi vitali daqs l-MTA. Irrimarka wkoll li s-sistema tal-IT mhi attrezzata xejn u saħaq li l-IT li tiswa l-flus, tagħti ħafna lura għaliex mingħajr it-teknoloġija tal-informatika ma tagħmel xejn. Semma li l-kuntratti ta’ allocations u kuntratti oħrajn spiċċaw u appella biex inkunu aġġornati u jsir it-titjib meħtieġ.

It-tnaqqis fil-flotta mhix is-soluzzjoni għall-Air Malta
Id-Deputat Nazzjonalista spjega li s-soluzzjoni li titnaqqas il-flotta tal-ajruplani twassal għal anqas ħaddiema u saħaq li din mhix is-soluzzjoni sħiħa għall-problemi fl-Air Malta. Żvilupp fir-rotot u aktar rotot hi t-triq ‘il quddiem, u dan għandu jsir b’aktar informazzjoni immedjata u f’waqtha u b’deċiżjonijiet ta’ kuljum.

Fisser li bit-tnaqqis fil-flotta, l-ispejjeż għall-Air Malta se jiżdiedu u rrimarka li wara sentejn kien jaħseb li dak li qed jiġri llum mhux se jseħħ.

It-tmexxija fl-MTA
Robert Arrigo tkellem dwar it-tmexixja fl-MTA u fisser li hi ħasra li l-MTA ma żammitx ir-raġel tagħha fl-Ingilterra u rrimarka li l-kariga li offra b’paga mnaqqsa żgur li ma kienx inċentiv meta wieħed iqis il-pagi li qed jagħti l-Gvern f’ħatriet oħra fis-settur pubbliku. Irrimarka li l-persuna kienet valida, u hi ħasra li ntilfet għall-MTA, bħalma ntilfu persuni oħrajn f’karigi ta’ importanza.

Semma wkoll u talab lill-Gvern jikkonferma l-ħatra ta’ Peter Cauchi bħala Direttur tal-MTA għall-Ġermanja, u awgura li l-ħatra, li dwarha mhux magħruf jekk hemmx il-kwalifiki meħtieġa, isservi ta’ ġid.

April ma żammx max-xejriet pożittivi
Semma statistika maħruġa mill-MIA għax-xahar ta’ Aprl li wriet żieda ta’ 4% tal-moviment, li tfisser b’mod reali moviment ta’ 16,000 aktar. Meta wieħed jiddividi bi tnejn, iwasslu għal żeda ta’ 8,000 klijent. Semma li dawn huma l-cruises li daħlu, u l-Music Festival li sar fil-bidu ta’ April, u li jwasslu għall-konklużjoni li l-moviment jista’ jkun li mar lura u mhux ‘il quddiem. Semma li s-swieq minn Franza, il-Ġermanja u l-Ingilterra, jekk ma baqgħux fl-istess livell, naqsu. Awgura li din l-istatistika ma tkunx xejra li se naraw fix-xhur li ġejjin filwaqt li rrimarka li jidher li f’Mejju rriżultati huma ħafna aħjar.

Il-Palazz ta’ Selmun
Tkellem ukoll dwar il-Palazz ta’ Selmun u qal li jkun ta’ sodisfazzjoni li din il-lukanda terġa’ tiftaħ għaliex fil-passat kellha isem tajjeb għat-turiżmu f’pajjiżna. Min se jieħu l-lukanda qal li se jieġu l-ġebla biss għaliex irrimarka li nsteraq kollox

Dwar l-MTA semma li din qed taħdem b’mod proattiv. L-avvenimenti li ressqet lejn Malta l-MTA kienu fattur li wassal biex il-movimenti tal-wasliet baqgħu fl-istess livell tas-sena l-oħra. Semma wkol li f’Ġunju li ġej se jsir avveniment għal managers u sidien ta’ kumpaniji li huma stakeholders għat-turiżmu f’pajjiżna u li se jġibu ħafna klijenti tagħhom f’pajjiżna. Dan hu wkoll grazzi għax-xogħol tal-MTA .

Appell għal żieda ta’ €3 miljun għar-reklamar għax-xitwa
Appella lill-Gvern jalloka €3 miljun oħra, li hi somma anqas minn dik li ta l-Gvern għall-Cafè Premier, għal kampanja qawwija ta’ reklamar għax-xhur tax-xitwa għal swieq abbinati ma’ rotot tal-Air Malta.

Dwar it-turiżmu fin-Nofsinhar ta’ Malta, Robert Arrigo semma l-każ tas-Sindku Laburista tal-Isla li qed jgħid lill-istakeholders biex ma jmorrux bit-turisti l-Isla, u jekk iġibu t-turisti lejn il-Gradjola jitwaqqfu barra l-Isla biex jimxuha għaliex it-turisti mhux iħallu flus. Staqsa lill-Gvern jispjega kif il-Gvern qed jgħid mod favur it-turiżmu fin-Nofsinhar ta’ Malta, u Sindku Laburista jgħid mod ieħor. Talab lill-Ministru jintervjeni u jirranġa s-sitwazzjoni.

Staqsa wkoll biex jara r-rapporti finanzjarji tal-MTA bejn Jannar u Marzu għaliex qal li jista’ jkun li hemm ċertu azzjonijiet, jew xi ċekkijiet li ħarġu lill-Air Malta li jista’ jkun li dwarhom hemm xi dubji.

Dwar l-industrija tal-films, Robert Arrigo staqsa jekk intilifx xi film li kien ġej Malta għal xi raġunijiet li mhumiex magħrufa.
Appella wkoll lill-Gvern jorganizza ġurnata, li fiha Gvern u Oppożizzjoni flimkien mal-istakeholders, iżda mingħajr media, biex kulħadd ikun liberu li jitkellem dwar l-esperjenzi biex nimxu ‘l quddiem.

Żewġ gwidi biss se jiggradwaw fl-ITS
Tkellem ukoll dwar l-ITS u qal li hemm żewġ gwidi biss li se jiggradwaw u rrimarka li qed joħorġu aktar gwidi bil-pensjoni milli jiggradwaw. Semma li ma nistgħux nitkellmu fuq swieq ġodda mingħajr gwidi.

Dwar l-aħbar li ħarġet dan l-aħħar dwar l-investiment li se jsir f’lukanda s-Six Star, Robert Arrigo appella għal investiment flok il-Lukanda Jerma f’Marsaskala u rirmarka li Malta kollha trid tkun Six Star hekk kif irrimarka li hemm ħafna xogħol xi jsir ta’ tindif u titjib fl-ambjent li jrid ikun ukoll b’anqas storbju u ħsejjes fl-inħawi tal-lukanda Six Star biex noffru prodott ta’ dan il-livell għoli.