Il-militar tal-Istati Uniti bagħat bi żball diversi kampjuni tal-anthrax lil xi disa’ laboratorji madwar il-pajjiż, kif ukoll lil bażi militari tal-Amerikani fil-Korea t’Isfel.
Dan ikkonfermah il-Pentagon ta’ Washington meta sar magħruf li laboratorju tad-Dipartiment tad-Difiża f’Utah spiċċa jittrasporta dawn il-kampjuni bil-baħar mingħajr ma kien jaf.
L-aħħar rapporti qalu li mat-22 membru tal-istaff militari fil-Bażi tal-Ajru ta’ Osan, fil-Korea t’Isfel, qed jingħataw it-trattament preventiv minħabba l-possibbiltà li huma spiċċaw esposti għall-kampjun tal-anthrax. Fl-istess ħin, erba’ ċivili wkoll ingħataw trattament fl-Istati Uniti għalkemm, fil-każ tagħhom, is-sogru huwa minimu.
Kelliema għall-qawwiet Amerikani qalu li l-membri tal-istaff fil-bażi tal-Korea t’Isfel setgħu ġew f’kuntatt mal-anthrax waqt avveniment ta’ taħriġ, iżda sal-bieraħ ħadd ma kien wera sinjali ta’ infezzjoni.
L-aħħar rapporti qalu li l-inċident qed ikun investigat mis-Centers for Disease Control and Prevention (CDC) tal-Istati Uniti.
//= $special ?>