Futbol Sport

Blatter jirrifjuta t-talba ta’ Platini li jwarrab

IL-KRIZI TAL-FIFA

Michel Platini: “wara dak li nqala’ naħseb li issa hemm ċans li Blatter jitneħħa”

 

Il-UEFA ma teskludiex li toħroġ mill-FIFA

Sepp Blatter irrifjuta li jirriżenja minn President tal-FIFA wara talba li saritlu mill-kap tal-UEFA Michel Platini.

L-Izvizzeru ta’ 79 sena kellu laqgħa ta’ emerġenza mal-uffiċjali għolja tal-UEFA l-Ħamis wara li l-FIFA reġgħet ġiet suġġetta għal akkuża oħra ta’ ħsara fuq korruzzjoni.

Wara ltaqa ma’ Platini u f’mument minhom kien anke mitlub li jwarrab.

Blatter qed ifittex il-ħames terminu tiegħu bħala president meta llum se jkun qed jiġi sfidat mill-Prinċep Ali bin al-Hussein.

Huma bosta l-personalitajiet influwenti fil-futbol li jridu li l-elezzjoni ma ssirx illum wara li uffiċjali tal-FIFA kienu arrestati fi Zurich l-Erbgħa.

Imma oħrajn fosthom iċ-Chairman tal-FA Ingliża Greg Dyke jemmu li l-elezzjoni għandha ssir xorta għaliex qed jemmnu li l-Prinċep issa għandu ċans jegħleb lil Blatter.

Il-UEFA li tmexxi l-futbol fl-Ewropa, il-Ħamis iddeċidiet ukoll li mhux se tibbojkottja l-elezzjoni wara li għall-ewel indikat li setgħet tagħmel dan.

Imma l-kapijiet tal-futbol fl-Asja u l-Afrika qalu li l-vot għandu jittieħed u kkonfermaw l-appoġġ lejn Blatter.

Id-deċiżjoni ta’ Blatter li jmexxi laqgħa ta’ emerġenza mar-rappreżentanti  tas-sitt konfederazzjonijiet tal-FIFA hi sinifikanti.

Laqgħat simili huma rari ħafna.

Il-laqgħa saret ukoll mingħajr tnejn mill-membri nominati, Jeffrey Webb, President tal-CONCACAF u Eugenio Figueredo, President tal-Konfederazzjoni tal-Amerika t’Isfel li t-tnejn kienu arrestati l-Erbgħa.

Mistoqsi għalfejn talab lil Blatter biex jirriżenja, Platini qal li għamel dan għaliex hu ħabib tiegħu u jekk ma jkunx hu li jgħidlu ħadd ma kien se jgħidlu. “Issa daqshekk. Jien l-ewwwel wieħed li ninsab diżgustat b’dan kollu u rrid lil Blatter jitlaq. Meta għidtlu wiċċ imb’wiċċ qalli li issa tard wisq biex jirriżenja u li kieku għidtlu ftit ġimgħat ilu kien jaħsibha. Imma l-FIFA ma tistax tibqa’ titmexxa minn Blatter. Wasal iż-żmien li jwarrab kif għad jasal iż-żmien li nwarrab jien u nittama li meta jasal dak iż-żmien ikunu l-ħbieb tiegħi li jgħiduli biex inwarrab,” qal Platini li m’eskludiex ukoll il-fatt li jekk ikun hemm bżonn bi Blatter fit-tmexxija l-UEFA tista’ tikkunsidra wkoll li tirtira mill-FIFA anke jekk dan jista’ jkollu effett kbir fuq it-Tazza tad-Dinja.

Il-President tal-UEFA qal li fuq dak li seħħ din il-ġimgħa issa jemmen li Blatter jista’ jiġi megħlub. “Kieku ma nqalax li nqala’ kont ngħid li se jerġa’ jirbaħ Blatter. Imma wara dak li nqala’ naħseb li issa hemm ċans li Blatter jitneħħa.”

Fl-aħħarnett Platini qal li hu qatt ma ħeġġeġ lil Luis Figo u lil Michael Van Praag biex jikkontestaw l-elezzjoni presidenzjali u wisq anqas ma ħeġġiġhom jirtiraw.

Intant sar magħruf  li David Gill ħabbar li se jirriżenja mill-Kumitat Eżekuttiv  tal-FIFA jekk Blatter jerġa’ jkun elett.

Il-Prim Ministru Ingliż David Cameron u ċ-Chairman tal-FA Ingliża Greg Dyke ingħaqdu wkoll mal-kor li qed jitlob lil Blatter jirriżenja.

Madnakollu l-appoġġ għall-President Blatter mill-President tar-Russja Vladimir Putin li akkuża lill-Istati Uniti li kienu qed jindaħlu fl-affarijiet tal-FIFA bil-mira ewlenija tkun li jneħħu t-tazza tad-dinj tal-2018 lir-Russja.