Il-Prim Ministru Britanniku David Cameron għandu jwissi lill-Mexxejja tal-Ewropa li r-Renju Unit se jivvota biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea dment li l-Istati Ewropej ma jaqblux rigward ir-riformi li hu qiegħed jipproponi.
Il-Ministru Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Philip Hammond, qal li Cameron hu fiduċjuż li jwassal għall-bidliet sostanzjali fl-Unjoni Ewropea qabel ir-Renju Unit jivvota fir-referendum li jiddeċiedi jekk il-pajjiż jibqax jifforma parti mill-unjoni ewropeja. Hammond ma jeskludix li r-referendum kruċjali jsir is-sena d-dieħla jekk it-taħditiet imorru tajjeb.
Il-Prim Ministru Cameron, fl-aħħar sigħat, kien qed iħejji għal żjarat fl-Olanda u Franza bħala parti mill-impenji tiegħu biex iwassal għall-bidliet li jixtieq. Filwaqt li Cameron ma ddettaljax bis-sħiħ ir-riformi li jrid ikunu attwati mill-Unjoni Ewropea, dawn jinkludu impenn għal regoli aktar stretti li jwaqqfu lill-immiganti milli jieħdu l-benefiċċji. Cameron irid ukoll li r-Renju Unit ikun eżenti mill-inizjattivi tal-Unjoni Ewropea għall-integrazzjoni akbar tal-pajjiżi-membri.
L-abbozz dwar ir-referendum rigward il-futur tar-Renju Unit bħala membru tal-UE ġie ppubblikat u tressaq lid-deputati tal-House of Commons, f’Londra. L-abbozz, intant, jinkludi dettalji tal-impenn biex il-vot storiku jsir qabel l-aħħar tal-2017.
//= $special ?>