Jekk ma jridx jitkellem mal-Oppożizzjoni jagħti serħan il-moħħ lill-industrija tat-turiżmu
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, appella lill-Gvern jagħti serħan tal-moħħ għad-deċiżjoni li jitnaqqsu tliet ajruplani mill-flotta tal-Air Malta, u jieqaf jittratta lill-Oppożizzjoni b’mod leġġer għaliex qed titlob il-kjarifiki u informazzjoni dwar din id-deċiżjoni.
Fid-dibattitu dwar l-Awtorità ta’ Malta dwar it-Turiżmu (MTA), il-Viċi Kap tal-PN u Shadow Minister għall-Finanzi qal li dan għandu jsir ukoll biex jingħata serħan il-moħħ ukoll lill-industrija. Appella lill-Ministru Edward Zammit Lewis li jekk ma jridx jitkellem mal-Oppożizzjoni, jitkellem mal-industrija u mal-istakeholders bħala l-Ministru tagħhom.
L-aħħar ħaġa li għandha bżonn l-industrija tat-turiżmu hi s-sulluzzu u n-nuqqas ta’ trasparenza
Irrimarka li l-aħħar ħaġa li għandha bżonn l-industrija hi s-sulluzzu u n-nuqqas ta’ trasparenza. Talab lill-Gvern jispjega kif se jagħmel tajjeb għat-tnaqqis ta’ ajruplani. Jekk dan hu fit-triq tas-sostenibbiltà, il-Gvern isib l-appoġġ ukoll tal-Oppożizzjoni.
Mario de Marco rrimarka li fix-xitwa, it-tnaqqis tal-ajruplani se jkun ta’ tlieta, bl-ikbar sfida tal-Air Malta tkun fis-sajf biex pajjiżna jżomm l-istess livell ta’ aċċessibbiltà u l-istess numru ta’ postijiet disponibbli fuq l-ajruplani li jtiru lejn pajjiżna.
Talab lill-Ministru jagħti l-informazzjoni u serħan il-moħħ lill-industrija li l-aċċessibbiltà lejn pajjiżna fl-2016 u fl-2017 se tibqa’ l-istess, u jekk humiex se jkunu l-linji l-oħra tal-ajru li jagħmlu tajjeb għat-tnaqqis li se jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ anqas ajruplani fuq ir-rotot tal-Air Malta.
Mario de Marco semma li mill-2007 ‘l hawn kull sena kienet rekord bi tkabbir fuq tkabbir ħlief għall-2009 li kienet l-agħar sena tal-kriżi internazzjonali minkejja li xorta żammenja l-industrija fuq saqajha.
Iddikjara li hu kburi u kuntent li fl-2013 u fl-2014 kellna wkoll rekord fit-turiżmu kif se tkun ukoll din is-sena. Il-kwistjoni tas-seat capacity, l-aċċessibbiltà ta’ pajjiżna u rotot ġodda huma ħolqa importanti għal dan is-suċċess.
Niddiversifikaw il-prodott turistiku
Filwaqt li rrimarka d-diżappunt tiegħu għall-mod partiġjan li bih tkellem il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, Mario de Marco tkellem ukoll dwar il-prodott turistiku Malti li sejjaħlu bħala pilastru għall-industrija mibni fuq l-aċċessibbiltà, il-kwalità tal-prodott u r-reklamar li kollha huma importanti fit-tisħiħ tal-industrija.
Appella lill-Gvern ikompli jinvesti fil-prodott, u aktar minnhekk, biex niddiversifikaw il-prodott tagħna. Mhux biss irridu li nkomplu naraw investiment fil-Belt u fl-Imdina u f’postijiet oħrajn turistiċi, iżda hemm ukoll bżonn ta’ investiment fl-irħula u l-villaġġi li għandhom potenzjal turistiku. Dan biex il-1.7 miljun turist u s-600,000 turist ieħor bil-cruiseliners jinfirxu f’aktar attrazzjonijiet u b’hekk tgawdi aktar l-ekonomija ta’ pajjiżna.
Appella li hemm fond allokat mill-baġit tal-UE għall-investiment fit-turiżmu, u li għadu lanqas beda jintuża. Bis-saħħa ta’ dawn il-fondi Ewropew, fis-snin li għaddew diġà saret qabża kbira fil-prodott turistiku tagħna.
Mario de Marco tkellem ukoll dwar realtà li rridu nindirizzaw ukoll – dik li l-esperjenza tat-turist fis-sajf se tinbidel f’waħda negattiva minħabba l-influss qawwi li għandna fix-xhur tas-sajf riżultat tas-suċċess tagħna stess. Dan l-influss ifisser aktar nies fil-bajjiet fis-sajf hekk kif nafu li l-bajjiet f”pajjiżna huma limitati.
Appella biex nindirizzaw dan b’mod intelliġenti u semma kif fis-snin li għaddew ittieħdu deċiżjonijiet importanti meta nħolqot il-Bajja ta’ San Ġorġ u l-perched beach ta’ Buġibba hekk kif staqsa x’sar mill-pjan li kien hemm biex il-bajja fid-daħla tax-Xemxija tinbidel f’bajja kbira u ġdida tar-ramel. Kien hemm ukoll ippjanat titjib fil-Bajja tal-Balluta.
Irrifera wkoll għall-esperjenza li t-turist qed jieħu f’Kemmuna u spjega kif illum saret negattiva minħabba li, minkejja l-influss li jkun hemm fix-xhur tas-sajf, f’Kemmuna m’hemmx servizzi hu hi nieqsa minn pjan dwar immaniġġjar ta’ dan il-post turistiku. Staqsa jekk hemmx il-bżonn li jkun hemm kontroll fuq in-numru ta’ nies li jżuruha fl-istess waqt. Appella wkoll biex inkomplu nsaħħu u nestendu s-servizz tal-lifeguards.
Xejn għat-turiżmu fin-Nofsinhar ta’ Malta
Ikkritika wkoll lill-Gvern li baqa’ m’għamel xejn għat-turiżmu fin-Nofsinhar ta’ Malta u rrimarka li kull ma smajna kien tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk u power station.
Semma li l-iżvilupp f’Żonqor Point mhux is-soluzzjoni għat-turiżmu fin-Nofsinhar ta’ Malta, u wasal iż-żmien li jiġi studjat kif dan it-turiżmu fin-Nofsinhar nistgħu nsaħħuh minkejja li sar ukoll xogħol.
Il-Viċi Kap tal-PN fisser li l-privat ma jistax jiġi sfurzat fejn jinvesti fit-turiżmu. Appella lill-Gvern biex iħares lejn pjan għal-lukandi ġodda fin-Nofsinhar ta’ pajjiżna, u wissa li jkun żball li lukandi ġodda jibqgħu jinbnew fuq art barra ż-żoni tal-iżvilupp.
//= $special ?>