Il-Kummissjoni Ewropea llum talbet lil 11-il pajjiż fosthom Malta biex jimplimentaw direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek.
Il-pajjiżi l-oħra huma l-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, Franza, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Iżvezja.
Ir-regoli l-ġodda tad-direttiva kienu saru wara l-kriżi finanzjarja. Huma ntiżi li jgħinu kontra diffikultajiet jew falliment ta’ banek jew kumpaniji kbar. L-għan hu li banek f’xifer il-falliment ikunu jistgħu jiġu megħjuna jirristrutturaw mingħajr ma jispiċċaw iħallsu l-azzjonisti jew il-kredituri.
Malta u l-għaxar pajjiżi l-oħra kellhom idaħħlu r-regoli l-ġodda fil-liġi nazzjonali sal-aħħar tas-sena li għaddiet imma s’issa għadhom m’għamlux dan. It-twissija min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea hi fl-għamla ta’ opinjoni motivata, jiġifieri fit-tieni stadju ta’ proċeduri ta’ ksur tal-UE. Wissiet li jekk il-pajjiżi jonqsu milli jsiru konformi fi żmien xahrejn, tista’ tiddeċiedi li tressaqhom il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.
//= $special ?>