Joseph Muscat ma baqalu l-ebda triq oħra ħlief li minnufih jiddikjara li mhux se jmiss iż-Żonqor biex il-kumpanija tal-Ġordan tkun tagħmel żvilupp ta’ bini. Il-Partit Nazzjonalista, għalhekk, qiegħed jisfida lill-Prim Ministru biex minnufih jgħid li qed jirtira kompletament id-deċiżjoni tiegħu u jħalli ż-Żonqor fl-istat naturali jinsab fih.
F’konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli u l-Kelliem tal-Ambjent, l-Ippjanar, l-Artijiet u l-Infrastruttura Ryan Callus rreferew għal bosta siltiet li xxandru waqt il-programm Xarabank mill-avukat tal-kumpanija tal-Ġordan Kevin Deguara.
L-avukat tal-kumpanija tal-Ġordan qal li l-Gvern mhux qed jitkellem magħhom dwar siti alternattivi. Dan jikkonferma dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista, jiġifieri li l-Gvern mhux veru li jrid li jinstab sit alternattiv, iżda jrid li jibni fiż-Żonqor. Dan jikkontradixxi kompletament ma’ dak li qal il-Prim Ministru l-ġimgħa li għaddiet, jiġifieri li qed isiru diskussjonijiet dwar siti alternattivi. “L-istess avukat tal-kumpanija tal-Ġordan qed igiddeb lill-Prim Ministru,” qalet Marthese Portelli.
Kumment ieħor tal-avukat tal-kuntrattur Ġordaniż qal ukoll li mhux bilfors li l-art magħżula għandha tkun ħdejn il-baħar. “La lill-Ġordaniż ma tagħmillux differenza tkunx ħdejn il-baħar jew le, għalfejn Muscat għażel li mill-bidu nett itihom dik l-art taż-Żonqor?” staqsiet Marthese Portelli.
It-tielet kumment tal-avukat tal-kuntrattur Ġordaniż kien li n-negozjati mal-Gvern kienu dejjem dwar sit wieħed, u mhux dwar il-possibilità li jkun hemm aktar minn sit wieħed. Dan igiddeb kompletament dak li qal il-Prim Ministru, li qed tiġi studjata l-possibilità li l-bini jkun maqsum f’żewġ jew aktar siti alternattivi. Dan jikkonferma wkoll kemm il-Prim Ministru mhux veru qed jinnegozja mal-kuntrattur dwar possibilità li l-bini jsir f’aktar minn sit wieħed, spjegat Marthese Portelli.
Waqt il-programm Xarabank, l-avukat tal-kuntrattur Ġordaniż tkellem ukoll dwar iċ-ċens tal-art in kwistjoni. L-Avukat qal li l-Gvern se jagħti l-art lill-kuntrattur b’ċens għal numru kbir ta’ snin, iżda ma riedx jgħid hu kemm hu l-valur u kemm hu l-perjodu. Marthese Portelli sfidat lil Muscat biex jgħid b’kemm se jagħti l-art lill-Ġordaniż u għal kemm. Hi staqsiet ukoll kif il-Gvern diġà qed jinnegozja l-art meta żoni mill-art in kwistjoni mhijiex tal-Gvern iżda proprjetà privata ta’ bosta bdiewa.
Marthese Portelli rrimarkat ukoll li filwaqt li fil-programm elettorali, l-Partit Laburista wegħed lill-bdiewa li se jdaħħal skemi biex jinkoraġixxi lill-bidwi part-time ikompli f’dan ix-xogħol, issa, qiegħed jiġġieled ma’ dawn l-istess bdiewa biex jeħdilhom xogħolhom.
Minn naħa tiegħu, Ryan Callus sostna li aktar ma jgħaddu ġranet, aktar qed jikber il-moviment ta’ kontra Joseph Muscat u d-deċiżjoni tiegħu li jibni fiż-Żonqor. Hu sostna li ma’ din il-lista, fl-aħħar ġranet, żdiedu wkoll 160 lekċerer li ffirmaw petizzjoni kontra d-deċiżjoni ta’ Joseph Muscat. Hu fakkar li fost dawk li jinsabu f’dan il-moviment, minbarra l-Partit Nazzjonalista, hemm il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Godfrey Farrugia, d-Deputat Laburista Marlene Farrugia, l-Viċi Sindku Laburista ta’ Marsaskala Desiree Attard, l-għaqdiet ambjentali, il-Front Ħarsien ODZ, il-kaċċaturi, l-Arċisqof, l-istudenti, il-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja, il-Kamra tal-Kummerċ, l-MEA, il-lekċerers, l-avukati u anke l-bdiewa.
//= $special ?>