Miet il-fundatur u Chairman ta’ Fondazzjoni Patrimonju Malta, Maurice de Giorgio, fl-età ta’ 91 sena.
Il-fondazzjoni qalet li de Giorgio kien l-ikbar enerġija warajha u kien ilu jservi fit-tmun tagħha mill-1992.
Matul dan iż-żmien, il-fondazzjoni organizzat 11-il wirja u kienet responsabbli għat-trasformazzjoni ta’ Palazzo Falson fl-Imdina. Ħarġet iktar minn 50 pubblikazzjoni u 62 ħarġa ta’ Treasures of Malta.
De Giorgio serva wkoll f’diversi korpi f’Malta fosthom fil-Federazzjoni tal-Industrija, fil-korporazzjoni tal-Malta Trade Fair, kien wieħed mill-fundaturi tal-Malta Development Corporation u serva għal żmien fil-kumitat ta’ tmexxija tat-Teatru Manoel.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ Maurice de Giorgio li ddeskrivih bħala persuna li se jibqa’ mfakkar għall-imħabba li kellu lejn Malta.
Il-Partit Nazzjonalista ta l-kondoljanzi tiegħu lill-familja de Giorgio f’dan il-mument diffiċli.
//= $special ?>