Lokali

Filmat: Il-PN sostna u appella lil Joseph Muscat biex jirtira d-deċizjoni li jmiss Żonqor Point.

Il-PN għal darb’oħra sostna u appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jirtira d-deċizjoni li jmiss Żonqor Point. Liema deċizjoni teqred l-ambjent taż-żona li għandha importanza ekoloġika u hi protetta.

 

F’konferenza tal-aħbarijiet ix-Shadow Minister tal-Ambjent l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli u l-kelliem għall-Ambjent, l-Ippjanar, l-Artijiet u l-Infrastruttura Ryan Callus qalu li quddiem il-moviment li ngħaqad fil-pajjiż kontra dan l-iżvilupp, il-Prim Ministru għandu jiddikjara li mhux se jmiss din iż-żona.

 

Fil-konferenza tal-aħbarijiet intwerew diversi clips tal-avukat tal-kumpanija Ġordaniza li se tiżviluppa Żonqor Point u tibni universita’. Minn dawn il-clips jirrizulta li l-Prim Ministru mhux jgħid il-verita. Filwaqt li l-Prim Ministru qed jgħid li l-gvern qed ifittex siti alternattivi, l-avukat tal-kumpanija Ġordaniza jieħu pożizzjoni opposta.

 

Għaliex il-Prim Ministru għazel li joffri dan is-sit ħdejn il-baħar meta lanqas il-kumpanija Ġordanizi mhi tinsisti għal dan is-sit tant sensittiv.

 

Nuqqas ta’ qbil ieħor hu dwar sit wieħed jew iktar għall-universita’. Il-Prim Ministru qed jgħid li l-proġett jista’ jkun mifrux b’żoni differenti. Mhux tal-istess idea u opinjoni l-avukat tal-kumpanija Ġordaniza.

 

Aspett importanti. X’inhu jżomm lill-Prim Ministru Muscat milli jgħid kemm hu ċ-ċens u għalkemm f’sena se jingħata, il-poplu Malti għadu ma jafx iżda l-Ġordanizi jafu.

 

Marthese Portelli sostniet li l-gvern ma jistax jinnegozja l-art kollha għaliex fiha hemm art tal-bdiewa. B’liema dritt il-gvern qed jinnegozja art li qed jaħdmu l-bdiewa.

 

Ix-Shadow Minister Marthese Portelli sostniet li  b’dan il-proġett il-gvern qed jikser il-wegħdi elettorali li kien għamel dwar il-bdiewa, l-ambjent u l-agrikoltura qabel l-aħħar elezzjoni.

 

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ippjanar Ryan Callus qal li aktar ma jgħaddi żmien iktar għaqdiet qed jingħaqdu flimkien kontra dan il-proġett ghaliex hu ċar li dan hu proġett li se jagħmel ħsara ambjentali irreparabbli f’żona l-barra mill-iżvilupp.