Internazzjonali

Investigata t-traġedja fir-residenza għall-anzjani fiċ-Ċina

Ir-residenza għall-anzjani li, nhar it-Tnejn, inqerdet bin-nirien fil-provinċja Ċiniża ta’ Henan kellha kwalità ta’ kostruzzjoni fqira u l-prosekuturi, issa, intbagħtu fuq il-post biex jinvestigaw il-kaġun tat-traġedja.

In-nirien li qabdu fir-residenza ta’ Kangleyuan qatlu 38 persuna, u numru ta’ persuni spiċċaw midruba. Issa, l-aġenzija nazzjonali li taċċerta s-sigurtà fuq ix-xogħol, qed tgħid li l-kumpless kien inbena b’materjal li jaqbad malajr u kellu wkoll is-sistemi għall-emerġenzi (inklużi fire-escapes) li ma kinux ta’ livell adegwat.

Il-każ qajjem mill-ġdid l-inkwiet tal-pubbliku fiċ-Ċina rigward il-ħarsien tal-livelli xierqa li jirrigwardaw il-bini u s-sigurtà waqt proġetti tal-kostruzzjoni.

L-awtoritajiet Ċiniżi għamluha ċara li l-ewwel investigazzjonijiet żvelaw li din ir-residenza għall-anzjani ma ssodisfatx il-kriterji fid-diversi oqsma mitluba.

Tal-anqas 12-il persuna, fosthom ir-rappreżentant legali ta’ din id-dar għall-anzjani, spiċċaw arrestati b’konnessjoni man-nirien qattiela f’Henan.