Internazzjonali

Jikber l-inkwiet dwar is-sigurtà tal-Libja

Ir-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, Bernardino Leon, wissa li l-Libja qed tiffaċċja theddid enormi għas-sigurtà, minbarra li waslet biex tikkrolla mil-lat ekonomiku u finanzjarju.

Leon, li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament Ewropew, irrefera għall-periklu kontinwu mill-ġiħadisti tal-ISIS li qed jippruvaw jibnu u jikkonsolidaw bażi soda fil-Libja. Hu sostna li l-entitajiet Libjani rivali ma jistgħux jegħlbu lil xulxin waqt li staqsa x’inhu s-sens ta’ gwerra ċivili fil-Libja li qed iżżid is-saħħa tal-ISIS.

Skont Leon, in-Nazzjonijiet Uniti qed tħejji abbozz ġdid għal ftehim politiku fil-Libja, iżda hu wissa li l-pajjiż qed jispiċċalu ż-żmien biex isalva s-sitwazzjoni. Hu mifhum li l-abbozz se jitressaq lill-entitajiet rivali tal-Libja fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju.

Il-kriżi tas-sigurtà fil-Libja ħadet spinta bl-attentat ta’ jiem ilu fuq il-ħajja tal-Prim Ministru Libjan, Abdullah al-Thinni, li kkonferma li spiċċa fil-mira ta’ aggressuri li fetħu n-nar fuqu waqt li kien se jitlaq minn sessjoni tal-Parlament elett f’Tobruk.

Al-Thinni hu l-Prim Ministru Libjan rikonoxxut mill-komunità internazzjonali meta l-Libja, fil-preżent, għandha żewġ gvernijiet – dak ta’ Al-Thinni li hu bbażat f’Tobruk u l-ieħor fi Tripli li għandu l-appoġġ ta’ koalizzjoni Iżlamika.

Intant, Bernardino Leon insista li s-sitwazzjoni fil-Libja hi waħda diffiċli anki jekk hemm possibbiltà għal ftehim politiku. Hu kompla li l-ftehim isir jekk in-naħat Libjani jifhmu ċar li jridu jkunu flessibbli u li ma teżisti l-ebda soluzzjoni militari fil-Libja. Hu kkonkluda li l-pajjiż irid jasal għal soluzzjoni politika permezz tad-djalogu.